Li sibt u li għamilt

Kemm hawn nies li jistaqsu x’sens fiha l-ħajja. Donnhom ma jafux jgħixu mingħajr ma jiskopru xi skop kbir li jagħtihom il-gost li jgħixu jew il-ħajra li jitqabdu. Għalfejn għandha jkollha sens il-ħajja, wara kollox? Jew aħjar, is-sens tal-ħajja huwa l-ħajja nnifisha. Ngħixu biex ngħixu. Għalhekk, l-aħjar hu li persuna tfittex li tgħix bl-aktar mod li jagħti ġieħ lill-għajxien.

Li nsibu lest

Għandu mnejn li xi ħadd jista’ jaħseb li dal-kliem idur fuqu nnifsu; li fl-aħħar mill-aħħar ma ngħid xejn. Qed jgħid, għandi naħseb, li l-ħajja hi l-premju tagħha nnifisha, u kemm jagħmel sewwa bniedem li jagħmel l-aħjar minnha. L-istraordinarju fil-ħajja ordinarja huwa li tagħmel l-ordinarju b’mod straordinarju. Dan ifisser li tagħmel dak li tista’, toħlom li tagħmel dak li ma tistax, u tagħmel aktar milli tista’.

Ħafna nies nikkuntentaw irwieħhom biss b’dak li sabu madwarhom. Dawn josservaw tajjeb x’inhuma l-affarijiet li jistgħu jaqduhom, li jistgħu jużaw jew li jistgħu jagħmlu użu minnhom ... u aktar minn dan ma jixtiequ xejn. Dak li jsibu lest hu biżżejjed. Ma jiddejqux jekk ikollhom anqas, imma lanqas jixxenqu għal xi ħaġa aktar.

Sa ċertu punt, dan-nies jagħmlu tajjeb. Fis-sens li ma joħolqux frustrazzjonijiet żejda li jweġġgħuhom. Min qatt m’hu kuntent b’dak li għandu għax dejjem irid aktar jew dejjem irid dak li m’għandux jew ukoll dejjem irid dak li għandu ħaddieħor, allura bniedem bħal dan jgħix ħajtu kważi indannat il-ħin kollu. Dan mhuwiex sewwa.

Noħolqu

Imma mbagħad, nies bħal dawn lanqas ma jħallu l-immaġinazzjoni tagħhom, jew il-fantasija tagħhom, tgħix. Joqtlu l-ħolm, iraqqdu l-ideali u jmewtu x-xewqat. Bniedem bla ħolm qisu wieħed jew waħda li mietu qabel iż-żmien. Nies mingħajr ideali u mingħajr xewqat qishom marritilhom il-ħajru li jgħixu u li jibqgħu jiskopru s-sabiħ tal-għajxien.

Il-bniedem m’għandux jikkuntenta ruħu biss b’dak li sab. Dan mhuwiex biżżejjed. Kull bniedem għandu jfittex li jżid ma’ dak li sab, joħloq ma’ dak li diġà sab maħluq, jivvinta l-ġdid mal-qadim li jkun ġie għandu. Dan iżid mas-sabiħ tal-ħajja: mhux biss is-sabiħ li għaddielek ħaddieħor, imma s-sabiħ li hu tiegħek biss u li jirrifletti l-personalità unika tiegħek.

Ħadd minna m’għandu jkun bniedem li ma jħalli warajh xi ħaġa li ħoloq hu stess, li għamel b’idejh, b’moħħu, bir-rieda tiegħu, bis-sengħa u l-ħila tiegħu. Kull bniedem għandu jagħti mill-oriġinalità tiegħu, mill-ġdid li ġab miegħu fid-dinja, mill-inventiva li moħħu tah.

Ta’ warajna

Le, mhux li sibt biss għandu jikkuntentak f’ħajtek. Dan għamlu ħaddieħor. Ġie għandek għax xi ħadd ħolqu qablek. Oħloq int ukoll! Ħalli għal ħaddieħor affarijiet li int ma sibthom imma li issa se jsibhom ta’ warajk. Għamel dak li m’għamilx ħaddieħor. Żid mal-ħażna li ħallew ta’ qablek. Ħalli lil ħaddieħor it-tgawdija ta’ xi ħaġa li int ma sibtx biex tgawdi.

Il-bnedmin ilkoll igawdu d-dinja li ħallewlhom ta’ qabilhom. Ħażin jekk ta’ warajna nħallulhom anqas affarijiet sbieħ milli sibna aħna. Sfortunatament, f’xi oqsma dan hu li qegħdin nagħmlu. Mhux biss m’aħniex inżidu s-sbuħija, imma qegħdin saħansitra nnaqsuha. Fl-ambjent naturali, ngħidu aħna: hawnhekk qed nonqsu bil-kbir.

Ta’ dawk li ġejjin warajna jeħtieġ li nħossuna responsabbli wkoll. Id-dinja mhijiex tagħna biex nagħmlu biha li rridu. Lanqas il-ħajja. Il-ħajja hi rigal li kull wieħed u waħda minna għandna ngħożżu, inqimu u napprezzaw hekk bil-kbir li għandna nħossu li jsebbħuha għal dawk kollu li se jiġu warajna.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?