Epitaffi fuq l-oqbra

Ix-xahar tal-mejtin magħna, għall-anqas xi wħud hekk insejħulu, u bosta jerħulha għaċ-ċimiterji ħalli jżuru l-qraba u l-ħbieb tagħhom li għaddew għal ħajja aħjar jew agħar. Hu x’inhu, il-ħsieb imur fuq il-mewt u l-inevitabbiltà tagħha. Le, ħadd ma jista’ jevita l-mewt—hija l-aktar ħaġa ugalitarja li teżisti—u ħadd ma jista’ jagħmel xejn fuqha. Li jista’ tagħmel hu li jidħaq ftit biha.

F’idejn ħaddieħor

Il-kelma ‘epitaffa’ (epitaffi bil-plural) tirreferi għal skrizzjoni fuq xi qabar jew monument; ħafna drabi miktuba bi tħaffir fl-irħam jew b’ittri tal-bronz. Hija kelma li tiġi mil-Latin ‘epitaphium’, li tirreferi għal orazzjoni jew eloġju funebri. Bil-Grieg, ‘epitaphion’ ukoll tfisser l-istess, magħmula minn ‘epi’, jiġifieri ‘fuq’, u ‘taphos’, jiġifieri ‘qabar’ jew ‘funeral’.

Ħafna drabi l-epitaffi huma magħmula minn sentenzi qosra li jinkitbu fuq l-irħama ta’ qabar biex jgħidu xi ħaġa lil min ikun qed iżur il-fdalijiet ta’ min ikun indifen hemmhekk. Ngħidu aħna, l-aktar li ssib huma ‘Itlob għal ...’ jew ‘B’tifkira għażiża ta’ ...’ u sentenzi qosra bħal dawn ... li, ngħiduha kif inhi, huma xi ftit xotti żżejjed u kważi kważi monotoni.

Il-kibxa hi din: li ftit minna jiktbu l-epitaffa ta’ qabru hu jew hi stess. Ħafna drabi, dil-ħaġa lanqas naħsbu fiha; inħalluha f’idejn ħaddieħor. Imma meta toqgħod taħseb kemm dis-sentenza qasira, dil-epitaffa, kemm se ddum hemmhekk titkellem f’ismek, malajr tintebaħ li aħjar taħseb fuqha ftit aktar, u aħjar tiktibha int milli tħalli f’idejn ħaddieħor.

Kelma dejjiema

Ħafna nies fl-imgħoddi ma ħallewx l-epitaffa ta’ fuq qabarhom f’idejn ix-xorti. Aktar ippreferew li, jekk se jibqgħu jgħidu xi ħaġa minn taħt l-għatu ta’ qabarhom lil min iżurhom jew ikun għaddej minn quddiemhom, allura l-aħjar hu li l-epitaffa jiktbuha huma stess ħalli għall-anqas ikunu jafu x’qed jingħad f’isimhom wara mewthom.

Jiġini f’rasi Manwel Dimech, li tgħidx kemm ħajja epitaffi ħelwin għal fuq qabru ... allavolja spiċċa biex lanqas qabar ma jkollu. Imma bħal Dimech għamlu ħafna oħrajn, u għandu mnejn int ukoll għandek tagħmel l-istess. Ħejji l-epitaffa tiegħek u ordna lil qrabatek iniżżluha fuq l-irħama li tinżel fuq il-qabar tiegħek. Din hi l-kelma dejjiema tiegħek.

Għaldaqstant, jien hawnhekk nixtieq nissuġġerilek xi ftit epitaffi għal fuq qabrek. Li kienu kull waħda minn dawn l-epitaffi jinżlu fuq qabri, inkun tabilħaqq kuntent u moħħi mistrieħ li kulmin jgħaddi minn quddiem qabri, ħafna jew għadu, ikollu xi ħaġa tabilħaqq xierqa x’jaqra. Mela, hawn huma xi epitaffi li nissuġġerixxi:

Xi epitaffi

(1) ‘Ara xi ġrali!’
(2) ‘Tkessaħ, isa!’
(3) ‘Imurlek in-nejk!’
(4) ‘Għandek għalfejn tidħak, ukoll!’
(5) ‘Daqshekk kont irridha!’
(6) ‘Ma nafx fejn jien!’
(7) ‘Fl-aħħar ħlist!’
(8) ‘X’waħda din!’
(9) ‘X’kont qed ngħid?’
(10) ‘Din waħda tinkiteb!’
(11) ‘La morna, morna!’
(12) ‘Ħadtu f’sieqi, xbin!’

Affarijiet tad-daħk

Dawn huma ftit mill-epitaffi li jiġuni f’moħħi, għalik u għalija. Fiċ-ċimiterji tagħna aktarx ftit għandha jixbħuhom. Imma jidhirli li għandna jkollna ħafna aktar. Il-problema hi li l-biċċa l-kbira minna nieħdu l-mewt b’wisq serjetà. U dan għax aktarx jieħdu l-ħajja b’nuqqas ta’ serjetà. Min jieħu l-ħajja bis-serjetà jaf jitnejjek mill-mewt.

L-oqbra tagħna, jekk qatt ikunu jeżistu, jibqgħu weqfin għal ftit tas-snin, imbagħad jispiċċaw ukoll, bħalma ntemmu l-billjuni t’oqbra oħrajn madwar id-dinja f’kull żmien. Kollox jgħaddi ... u m’nalla. Is-sabiħ hu li, sakemm jgħaddi dak il-ftit taż-żmien, ikun jixraq li nagħmlu xi ħaġa xierqa minnu. Xejn ma jista’ jkun aktar xieraq milli nidħku b’dak li hu tad-daħk.

Mhux biss il-ħajja. Imma wkoll il-mewt.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?