Użin skont l-uċuh

Għala ħafna nies jiġġudikaw mod ieħor skont l-uċuh li jaraw quddiemhom? Lil xi ħadd jikkundannawh għax jarawh ikreh; lill-ieħor ma jikkundannawhx għax jarawh sabiħ. Mal-miżien tagħhom ma jużawx l-istess użin bejn tnejn min-nies għall-istess ħaġa; għandhom mżienen differenti skont l-uċuh. Did-diżonesta ma tagħmel ebda ġieħ lil min jagħmilha; hija turi biss li l-ġustizzja tiegħu ma hi ġustizza xejn u ma tiswiex sold.

Il-ġudizzji

Aħna ninsabu l-ħin kollu nagħmlu ġusizzji fuq dak li naraw u nisimgħu. Ma nistgħux nagħmlu mod ieħor. Li tiġġudika jfisser li tiddeċiedi ħaġa hijiex mod jew ieħor. Mingħajr ġudizzji ta’ kull tip u l-ħin kollu, ma nistgħux niffunzjonaw bħala bnedmin. L-annimali kollha, mhux aħna l-bnedmin biss, jinsabu l-ħin kollu jiġġudikaw l-affarijiet li jmissu l-ħames sensi tagħhom. Saħansitra l-ħxejjex ukoll jiġġudikaw; imma dan jagħmluh kimikament biss, mhux bħalna l-annimali, li nagħmluh bir-raġuni wkoll.

Biex niġġudikaw jeħtieġ li jkollna sens ta’ ġudizzju, jiġifieri jkollna idea tajba ta’ x’inhu nieqes jew żejjed. Jekk ngħidu li xi ħaġa hija tajba jew ngħidu li hi ħażina, b’dan nuru li nafu xi ftit jew wisq x’inhu l-qies tan-nofs li miegħu nkunu qed inqabblu dak li naraw, nisimgħu, inħossu, intiegħmu jew inxommu. Il-ġudizzji tagħna dejjem isiru skont xi sens ta’ x’inhu l-qies ġust tal-affarijiet.

Affarijiet tal-istess natura nużaw magħhom l-istess qies wieħed. Jekk qed niġġudikaw siġra hijiex tajba jew le, f’moħħna ma nużawx il-qies li bih niġġudikaw l-ilma jew l-arja jew xi ħaġa oħra differenti. Kull ġemgħa ta’ xi ħaġa għandha f’moħħna l-istess qies li bih nistgħu nkejluh jew inwiżnuh.

It-tbażwir

Dar-regoli sempliċi tal-ġudizzju mhux kulħadd joqgħod għalihom. Hemm min juża’ qies ta’ ħaġa biex jiġġudikaw biha ħaġa oħra li m’għandhiex x’taqsam magħha. Ngħidu aħna, jiġġudika t-temp bil-qies li bih niġġudikaw it-temperatura tal-ilma. ‘X’għandhom x’jaqsmu?’ ngħidulu; u jkollna raġun. Min iħawwad qies ma’ ieħor, tbażwir ikollu.

Dat-tbażwir xi wħud jagħmluh fil-ġudizzji tagħhom ta’ ħaddieħor. Dan jirriżulta f’inġustizzji kbar. Lil wieħed jiġġudikawlu għemilu mod, u lill-ieħor mod ieħor. Jekk wieħed jew waħda ma togħġobx lil dak li jkun minħabba raġunijiet li jkollu f’moħħu, jaqtagħha kontrihom; jekk jogħġbuh minħabba raġunijiet għal kollox differenti, jaqtagħhom favurihom.

Ir-raġuni tgħidlek li dan hu ħażin. Mhux biss moralment, jiġifieri mil-lat tas-sewwa u l-ħżunijiet, imma wkoll loġikament, jiġifieri mil-lat ta’ kif għandna nħaddmu moħħna. Infatti, ġudizzji bħal dawn, li jbażwru b’dal-mod, huma saħansitra irrazzjonali, jiġifieri jikkontradixxu l-mod korrett li bih taħdem ir-raġuni tagħna.

Il-preġudizzji

Hawn min jeħoda bi drawwa li jiġġudika l-bnedmin skont il-preġudizzji li hu jew hi jkollhom kontrihom jew favurihom. Il-preġudizzji tista’ tgħid li kważi dejjem iwassluk biex tiżbalja jekk toqgħod fuqhom biss. Il-preġudizzji huma mod kif ma tħallix il-bon sens jimxi b’mod rett jew kif għandu jkun; il-preġudizzji jiġbdu naħa jew oħra, mhux għax ma jkollhomx raġun b’mod ġenerali, imma għax ma jkollhomx raġun b’mod partikulari.

Ngħidu aħna, hu veru li wieħed jista’ jgħid, b’mod ġenerali, li l-Maltin kollha jħobbu l-pudina tal-ħobż; imma ma tistax tgħid l-istess ħaġa b’mod partikulari, għax għandek Maltin li ma jħobbux il-pudina. Oħra, hu veru li wieħed jista’ jgħid, b’mod ġenerali, li l-Afrikani kollha jħobbu jimxu fit-tul; imma ma tistax tgħid l-istess ħaġa b’mod partikulari, għax għandek Afrikani li ma jħobbux jagħmlu dan.

Ir-regola f’dawn l-affarijiet għandha tkun: toqgħod qatt fuq il-preġudizzji tiegħek biss. Ukoll: tużax użin differenti għall-istess natura t’affarijiet. Fl-aħħar: fittex dejjem li tkun ġust fid-deċiżjonijiet tiegħu, u qatt illoġiku, illoġika jew irrazzjonali.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?