“Eyes down”

Ħafna minna jafuha sew din l-għajta. Huma l-ewwel kliem li tisma’ meta tmur tilgħab it-tombla. “Eyes down for the first number” – kulħadd għajnejh ’l isfel għall-ewwel numru. Hija sejħa għall-attenzjoni. Biex kulħadd jiffoka. Għax ġie l-mument tax-xogħol. Daqshekk paroli. Issa bis-serjetà. Tlaqna ...

Ħidma flimkien

Għandhom mnejn li dawn huma l-aħjar kliem li jfissru dan li ġara llum. Mexxej ġdid tal-Partit Laburista, Prim Ministru ġdid, se jibda x-xogħol. Daqshekk kampanji. Daqshekk inċertezzi. Daqshekk taqtiegħ il-qalb. Mil-lum jibda x-xogħol tal-mexxej u l-Prim Ministru l-ġdid.

Tassew li dal-kliem – “eyes down” – jiġu fil-bidu ta’ logħba. Ix-xogħol li qed jinbeda llum m’huwa logħba xejn. Huwa x-xogħol ta’ restawr u ta’ kostruzzjoni nazzjonali li jrid jittieħed bl-akbar serjetà. Illum l-ogħla uffiċċju amministrattiv ta’ pajjiżna qed jieħu nifs ġdid, enerġija ġdida, u jalla jibda b’dinamiżmu li jsikket kull ilsien kattiv.

Le, mhuwiex logħba x-xogħol li qed jinbeda llum. Lanqas m’huwa “otterija”, kif jgħidu xi wħud. “Eyes down” fil-bidu tat-tombla tindika t-tluq għal otterija. Imma hawnhekk ebda otterija m’għandna. Għandna l-aktar ħaġa serja, it-tmexxija ta’ pajjiż u l-gwida ta’ nazzjon. Dawn mhuwiex mitluqa għax-xorti; jiddependu biss mill-bżulija u għaqal tagħna. Hemm ħafna xogħol xi jsir, f’pajjiżna u ’l barra minnu.

Bidu ġdid

Tabilħaqq, “eyes down” għax-xogħol, ħbieb! Iva, mhux biss mill-Prim Ministru, mhux biss mill-mexxej tal-partit, imma minn kulħadd. Ngħid dan partikularment għal dawk kollha li huma b’xi mod responsabbli għas-suċċess tal-ħidma amministrattiva nazzjonali, kemm f’Kastilja kif ukoll f’inħawi oħra.

Prim Ministru waħdu ma’ jagħmilx gvern. Miegħu hemm mijiet, jekk mhux ukoll eluf, ta’ nies li jridu jaħdmu qaqoċċa għall-ġid tan-nazzjon. Mil-lum, l-impenn tagħhom għandu jkun massimu. Speċjalment wara dawn l-aħħar xahrejn ta’ konfużjoni, tradimenti u ġakbinità mingħand ħafna. L-impenn għall-fejqan tal-feriti jrid jinbeda llum u jibqa’ sejjer sat-tmiem.

Issa, mil-lum, dak kollu li nikkitna fl-aħħar xhur irid jintrebaħ. Is-sentimenti jridu jikkalmaw. L-irjus is-sħan iridu jibirdu. Ir-rabji jridu jistabbru. Huwa żmien ix-xogħol u, aktar importanti, żmien li jinġabar iż-żmien mitluf. Inħeliet ħafna enerġija, il-ġirja nqatgħet, u issa jrid jerġa’ jinbeda kollox mill-ġdid.

Poplu li ma jmutx

Tassew, kollox mill-ġdid, imma mhux kollox bħal qabel. Il-ħatra tal-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, u għalhekk tal-Prim Ministru, hu proprju dan li tgħid: xejn m’għandu jibqa’ bħal qabel; kollox irid jiġi revedut. It-tajjeb jinżamm, imma l-ħażin, dak li ġabna fiex ġabna, irid jitnaddaf, jitneħħa u jitwarrab.

Illum paġna ġdida, mhux biss għall-Partit Laburista, imma għall-pajjiż kollu. Il-messaġġ huwa wieħed: qed nibdew mill-ġdid; għandna nifs ġdid; qed naqilbu paġna ġdida. L-enerġija mhijiex se tonqos, id-dinamiżmu mhuwiex se jnin, ix-xogħol se jkompli. Imma l-jum hu wieħed b’sebħ ġdid li jħabbar ħwejjeġ ġodda.

Jum bħal dan huwa rari fl-esperjenza nazzjonali. Qed ngħixuh b’ħafna tama f’qalbna għall-ġejjieni; qed ngħixuh b’ħafna gratitudni f’qalbna għall-imgħoddi; qed ngħixuh b’ħafna fidi fl-ispirtu imbattibbli tal-poplu Malti u Għawdxi. Dal-jum ġdid, dan-nifs ġdid, huwa tiegħu: il-poplu li ma jmutx.

Jalla llum l-idejn imgħaddba bir-rabja jistrieħu, il-qlub imweġġa’ bin-niket jistabbru, it-tamiet mitbiela bid-diżappunt jirxoxtaw. Dan hu jum ġdid għal kulħadd. Ejjew, fil-partit u barra minnu, fil-gvern u lil hinn minnu, ilkoll nieħdu din l-opportunità biex tabilħaqq nagħalqu l-bieb fuq l-imgħoddi li m’għamilniex sew u ngħaddu mill-bieb tal-ġejjieni li nistgħu nagħmlu aħjar.

Eyes down” nistgħu ngħiduha mod ieħor illum: Malta rinascens! Malta mitwielda mill-ġdid!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?