Is-sena tal-kontijiet

Telgħet saflaħħar ix-xemx fuq is-sena li fiha se jsiru ħafna kontijiet. Is-sena li għaddiet ħalliet ħafna affarijiet pendenti u miftuħa. Dis-sena jridu jingħalqu. F’ġimgħatejn oħra, mhux biss il-Partit Laburista jkollu ‘leader’ ġdid, imma l-pajjiż ikollu Prim Ministru ġdid. Dan se jibda jagħlaq il-kontijiet. Dan se jibda jrodd l-istabbilità li lkoll nixtiequ naraw.

Il-partit

Qabel xejn, la darba qed nitkellmu f’din il-gazzetta, jidhirli li jrid jingħad li l-istabbilità trid tibda tinħass l-ewwel nett fil-Partit Laburista. Ma jidhirlix li l-partit hu mifrud. Imma għadda minn esperjenza trawmatika li jeħtieġ jirkupra minnha. Xi wħud firdu lilhom infushom mill-partit, jew aħjar minn min jirrappreżentah, u issa, għandi nifhem, huma anzjużi biex jerġgħu jirritornaw. Oħrajn, għalkemm mhux maqtugħin, ħassewhom maħsudin u xxokkjati.

Dan-nies kollha, ilkoll Laburisti, m’għandix dubju li jridu jħossuhom għal darb’oħra komdi fil-partit li jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Biex dan ikun jista’ jibda jseħħ jeħtieġ li jingħalqu bosta kontijiet li għadhom miftuħin. Dal-proċess irid jispiċċa biex jiddetermina min għandu jieħu u min għandu jagħti. Il-‘leader’ il-ġdid irid jara li l-ħlasijiet isiru sew, b’ġustizzja u bil-ħniena, imma dejjem b’korrettezza.

Il-Partit Laburista huwa ’l bogħod ħafna minn xi xiżma jew minn xi rvell intern. Xejn minn dan. Iżda huwa partit li jeħtieġ li jerġa’ jkun fil-paċi miegħu nnifsu, mal-kuxjenza tiegħu u mal-elettorat (akbar mill-Partit Laburista nnifsu) Malti u Għawdxi.

Il-gvern

Imbagħad, għalkemm mhux anqas, iridu jibdew jingħalqu l-kontijiet fuq bażi nazzjonali. Is-suspetti jeħtieġ li jibdew jitraqqdu, l-akkużi jitwittew u l-proċeduri konklużi. Kulħadd jeħtieġlu jerġa’ jibda jsib il-paċi tiegħu f’dal-pajjiż u jistrieħ fiċ-ċertezza li n-nazzjon jinsab f’idejn sodi u nodfa.

Dan ma jgħoddx biss għaċ-ċittadini ta’ dan-nazzjon; jgħodd ukoll għall-barranin li f’dawn l-aħħar xhur semgħu l-agħar aħbarijiet fuqna, fuq pajjiżna u fuq il-poplu tagħna. Il-fama tagħna hija mgħarrqa waħda u sew. Min ma jafniex, imma sema’ bina, għandu impressjoni pessma tagħna. Jeħtieġ li dan kollu jitnaddaf. Jeħtieġ niġbru ġieħna. Jeħtieġ nuru li m’aħniex il-ġungla li pinġewna.

Il-kontijiet iridu jsiru wkoll mal-każ miftuħ ta’ Daphne Caruana Galizia u ma’ kull aspett ieħor tal-istorja kumplessa ta’ madwarha. Huwa dal-każ u din l-istorja, wara kollox, li għamlet l-esperjenza nazzjonali s-sena li għaddiet tant kerha. Il-proċessi f’dan ir-rigward bdew, tabilħaqq, imma jridu jkomplu jsiru sat-tmiem.

Il-Prim Ministru

Dal-kontijiet kollha jridu jsiru mill-Prim Ministru l-ġdid li se jiġi magħżul dalwaqt fi ħdan il-Partit Laburista mill-membri kollha. Dan l-elettorat irid ifittex il-ġid tal-partit daqskemm tan-nazzjon f’elezzjoni waħda u f’kandidat wieħed mit-tnejn li għandu quddiemu.

Il-ħatra trid tkun tal-aktar wieħed li jista’ jaggarantixxi esperjenza, kompetenza u transparenza: esperjenza mhux biss fil-gvern imma wkoll fil-partit; kompetenza fl-immaniġjar tan-nies għal riżultati produttivi ta’ suċċess; transparenza fil-kontroll tal-amministrazzjoni u fl-indafa fiskali. La l-partit u lanqas in-nazzjon ma jista’ jitlob anqas f’dan il-mument.

Il-kontijiet li jridu jsiru dis-sena jqiegħdu r-responsabbiltà xi ftit jew wisq fuqna lkoll, imma fuq oħrajn aktar, partikularment il-membri tal-Partit Laburista li se jivvotaw għal ‘leader’ u Prim Ministru ġdid. Hija l-ogħla responsabbiltà tagħhom f’dan il-mument, u n-nazzjon iħares lejhom u jistenna minnhom għaqal u bżulija.

Jien nemmen li din għandha tkun sena sabiħa li tfejjaq il-ġrieħi u troddilna s-serenità u l-istabbilità li kellna qabel.

Nixtieq is-sena t-tajba lil kulħadd!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?