Soċjaliżmu mingħajr qrun

L-annimali li għandhom qrun, is-saħħa tagħhom tinsab fi qrunhom. Dawn jużaw qrunhom bħala arma tal-waħx. Jużawh bħal ponta ta’ lanza, bħal xafra ta’ xabla, bħal bajunetta t’azzarin, bħal raġġ laser. Annimali bħal dawn jikkonċentraw saħħithom kollha fi qrunhom u bih jissieltu biex jirbħu.

Simbolu ta’ qawwa

Mhux ta’ b’xejn li, fl-eqdem letteraturi tad-dinja, il-qarn dejjem issibu bħala simbolu ta’ qawwa u saħħa. Annimali li m’għandhomx qrun, imma minflok jużaw diffrejhom, snienhom, munqarhom, il-qorriegħa u x’naf jien, ma jagħmlu xejn kontra l-ħila ta’ qrun. Meta tagħraf li dan hu magħmul biss minn xagħar magħfus flimkien, għandek mnejn tistagħġeb x’saħħa bla qies tinsab f’għaqda bħal din.

Ridt insemmi dit-tixbiha hawnhekk mhux tant biex infaħħar l-annimali għal qrunhom, imma aktar biex nitħassar ’il dawk li tilfuh. M’hemmx dehra aktar patetika minn xi barri bla qies li tilef qrunu. B’għajnejh miksurin ma jagħmel arja ma’ ħadd u xejn għax jaf li saħħtu hi mitmuma, bħal meta ’l Sansun qatgħulu xagħru u temmewlu qawwietu.

Meta l-aqwa ta’ bhima tisfaxxa, x’jibqa’ fiha? Ma hi tajba għalxejn għajr biex titħassar u, agħar minn hekk, taqa’ taħt id-dwiefer, il-munqar, is-snien u l-qorriegħa ta’ xi annimali ħafna iżgħar minnha, u fis tingħeleb, tinqatel u tittiekel.

Ġwejjed ħarufi

Meta nsemmi soċjaliżmu mingħajr qrun irrid inġib f’moħħok qawwa mxejna jekk mhux ukoll mitmuma. Issib lil ħafna jgħajtu “soċjaliżmu” ’l hawn u “soċjaliżmu” ’l hinn, imma tintebaħ li dal-isem ma fih ebda sustanza. Bħal meta l-Iben t’Alla kien qal, “Mhux kulmin jgħajjatli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-saltna tas-smewwiet”. Tabilħaqq, mhux kulmin jgħajjat “soċjaliżmu”, “soċjaliżmu”, jixraqlu dan l-isem.

Għax dan l-isem jixraq biss lil min ma jaqtax qarn is-soċjaliżmu. Jixraq biss lil min ma jibdilx is-soċjaliżmu biex iġibu ġwejjed u ħarufi. Is-soċjaliżmu xejn m’għandu ġwejjed u ħarufi. Soċjaliżmu bla qrun mhux soċjaliżmu. Soċjaliżmu li ma, biex ngħidha hekk, ‘ma jniżżilx is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli ċ-ċkejknin’, ma jixraqlux l-isem ta’ soċjaliżmu.

Ħafna llum iżeffnu s-soċjaliżmu biex taparsi għandhom minnu. Madanakollu, meta tiġi għas-‘si’ u n-‘no’, issib li, flok soċjaliżmu, jifhmu xi ħaġa oħra. Jifhmu xi ħaġa li tpaxxi lil min jaħqar u ma tgħinx lill-maħqurin. Jifhmu xi ħaġa li tagħmilha tal-ħarufa tal-qawwija u tal-imtaten mad-dgħajfa, flok bil-kontra.

Mhux kulmin ...

Min jippriedka soċjaliżmu bla qrun jaħqar lid-dgħajjef u l-fqajjar daqslikieku kien hu stess ma’ dawk li jaħqru biex isaltnu fuq ħaddieħor. Soċjaliżmu mingħajr qrun ma jħobbx il-ġustizzja, u ma jifraħx biha; imma jħobb il-paċi akkost ta’ kollox, u jifraħ bil-kompromessi.

Mhux kulmin jgħajjatli, “Mulej, Mulej” ... Mhux kulmin jgħajjat “soċjaliżmu”, “soċjaliżmu” ... Kull bniedem, mhux minn dak li jparla tkun taf x’jiswa, imma min dak li jagħmel. Kulħadd jaf iparla. Ukoll ix-xitan jaf jagħmilha t’anġlu. Imma l-għemil ma jqarraqx. L-għemil jikxef x’isarraf bniedem. Hekk ukoll, lis-soċjalisti mill-għemil tagħhom tagħarfuhom.

Min qabel kien jibża mis-soċjalisti aktarx kellu raġun; għax is-soċjaliżmu ma jaħfirha lil ebda sfruttatur. Imma llum, ma jibżax mis-soċjalisti min jaf li qrunhom, għax jisħtu minnu, mhux ħbewh, imma qaċċtuh. Saru soċjalisti bla qrun. Jiġifieri, fi kliem ieħor, soċjalisti li ma jiswew għal xejn.

(Xbieha Linas Garsys għal ‘The Washington Times’ (2019) fuq ir-romantiċizzazzjoni tas-soċjaliżmu)



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?