Il-ħsara taċ-ċapċip

Il-populiżmu llum jikkundannah kulħadd. Dak li ma jikkundannax kulħadd, anzi ħadd, huwa ċ-ċapċip li jagħmel possibbli, mhux biss il-populiżmu, imma kull tip ta’ politika. Iċ-ċapċip hu approvazzjoni. Għalhekk hu wkoll il-ħolqien u ż-żamma ta’ dak li japprova. Il-politiċi jgħixu fuq dan. Mhux biss, imma wkoll jagħmlu kapital minnu.

Il-politika taċ-ċapċip

Il-populiżmu hu għamla waħda biss ta’ dik li nistgħu nsejħu l-‘politika taċ-ċapċip’. Din l-għamla llum taparsi jikkundannaha min iċ-ċapċip, fil-biċċa l-kbira tiegħu, ma jkunx mar favurih. Min jagħmel dan, jiġifieri min jgħaġġel biex jikkundanna l-populiżmu, ma jintebaħx li dan jikseb is-saħħa tiegħu mhux mill-argumenti ikkumplikati ta’ politiċi sofistikati, imma mis-sentimenti tan-nies li jivvutaw b’qalbhom.

Dan għandu s-siwi tiegħu wkoll. Imma min jikkundanna l-populużmu jinsa li kull politika, hi liema hi, tissejjes fuq iċ-ċapċip. Aktar ma politika hi irrazzjonali, aktar trid ċapċip. Aktar ma l-poplu jitħalla ’l barra mill-amministrazzjoni tal-pajjiż, aktar iċ-ċapċip tal-massa hu meħieġ. Il-politiku hu l-artist tal-manipulazzjoni. Kulma jrid ikun jaf hu kif jiġbed iċ-ċapċip. Mill-bqija, kollox jiġi wara.

Minkejja l-era elettronika, xorta waħda ċ-ċapċip jibqa’ l-fus tal-politika. Għandu mnejn iċ-ċapċip jibda jissejjaħ ‘like’ jew jieħu xi għamla simbolika, bħal xi ‘smiley’ u l-bqija. Jibqa’ l-fatt li, b’xi mod jew ieħor, irid ikun hemm xi għamla ta’ approvazzjoni. Tissejjaħx ċapċip jew le, jew tieħux is-sura litterali ta’ ċapċipa jew le, ftit jagħmel differenza.

Poplu ċapċapi

Iċ-ċapċip kollu hu perikoluż. Jagħmel possibbli dak li mingħajru ma jkunx possibbli. Kull dittatorjat fid-dinja, dejjem serraħ fuq iċ-ċapċip. Kull tmexxija despotika, dejjem baqgħet imsaħħa sakemm kellha ċ-ċapċip. Kull demokrazija teħtieġ iċ-ċapċip; mingħajr ċapċip is-setgħa tal-qawwija taqa’.

Dan ma jfissirx għajr li hu l-poplu li jċapċap li jagħti s-snien lill-bhejjem politiċi. Hu l-poplu ċapċapi li jagħmel sfaċċati lill-politiċi. Hu l-poplu ċapċapi li jagħti s-setgħa lin-nies biex jaħkmu fuqhom u li jsaħħuhom ħalli dik is-setgħa ma jitilfuhiex. Iċ-ċapċip jagħmel possibbli l-akbar attroċitajiet, jiġġustifika l-agħar korruzzjoni u jtawwal il-ħajja tal-jasar.

Il-politiċi għandhom bżonn iċ-ċapċip tiegħek. Fil-mument li tieqaf iċċapċap, tieqaf is-setgħa tagħhom. Ftakar dan: meta inti ċċapċap lil ħaddieħor, ħaddieħor se jċapċapha lilek. Is-setgħa li inti tagħti lil ħaddieħor mhux biss m’għandek qatt ebda garanzija li dik is-setgħa mhijiex se tintuża kontrik, imma tista’ tibqa’ ċerta jew ċert li żgur se tintuża favur min tajtu dik is-setgħa.

Iċapċpu l-boloh

Mingħajr ċapċip ma jista’ jkun hawn ebda ħakmiema, sfruttaturi jew jassara fid-dinja. Dawn l-ewwel ma jagħmlu hu li jfittxu kif jista’ xi ħadd iċapċpilhom. Jagħmlu minn kollox ħalli jiksbu jew jixtru ċ-ċapċip. Jafu li mingħajru ma jistgħu jagħmlu xejn. Jafu li ebda politika ma tista’ ssir mingħajr min iċapċap.

Huma l-boloh li jċapċpu. Huma dak u dik li ma jafux iġibu rispett lejhom infushom li jċapċpu lil ħaddieħor. Għax dawk li jġibu rispett lejhom infushom la jċapċpu u lanqas ma jridu lil min iċapċpilhom. Dawn jafu li l-politika kollha hi l-arti li biha tqarraq b’ħaddieħor, għax biha ġġegħlhom jemmnu li għandhom bżonn lil min iżommhom minn idejhom u jmexxihom bħal tfal.

Min iċapċap ma jafx x’inhu ta’ ġid għalih jew għaliha. Li kienu jafu, ma jċapċpux lil min huwiex aħjar minnhom jew lil min jista’ jinqed bihom għall-ġid tiegħu nnifsu. Min jaf x’inhu ta’ ġid għalih ma jċapċap lil ħadd, imma biss jesiġi li min jikkmanda ma jitkabbarx u ma jisserdaq fuq ħadd.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?