Libja tal-biki

Il-gwerra ċivili fil-Libja, mibdija mill-Amerikani ħames snin ilu, fl-2014, mat-tneħħija ta’ Ghaddafi, diġà ħadet magħha mal-10,000 ruħ. Il-komunità internazzjonali, filwaqt li taparsi trid twaqqaf il-ġlied, araha trewwaħ il-fjammi ħalli l-pajjiż jibqa’ għarkobbtejh u hi tibqa’ tixxaħħaħ minn fuq żejtu.

Rieda m’hemmx

Dan deher mill-aktar ċar fl-aħħar ġimgħa jew ftit aktar. Il-ġimgħa li għaddiet, il-kapijiet ta’ madwar tużżana pajjiżi ltaqgħu f’Berlin biex jinnegozjaw twaqqif mill-ġlied. Hekk għamlu u ċenċlu t-tazzi tax-xampanja. Imma tmien t’ijiem biss wara, dawk l-istess pajjiżi reġgħu wasslu l-armi tan-nar lill-Libjani, u l-ġlied issokta.

B’id waħda, il-komunità internazzjonali xxejjer il-werqa żebbuġa, filwaqt li bl-oħra titfa’ l-pitlorju fuq in-nar ħalli jħeġġeġ aktar. Waqt li l-Libjani qed jitqatlu bejniethom, il-komunità internazzjonali qed tagħmel festa max-xitan minn fuq daharhom.

Ir-rieda għall-paċi m’hemmx. Hemm biss ir-rieda li, minn dal-konflikk, il-pajjiżi l-kbar, inkluż Franza, l-Italja, l-Amerika, it-Turkija, l-Ingilterra u r-Russja, barra bosta oħrajn tal-madwar, jieħdu kemm jista’ jkun vantaġġ politiku, strateġiku u militari. Dan waqt li jagħmlu l-flus ukoll.

Il-Libjani wżati

Dan kollu aktarx ma huwa ġdid għal ħadd. Ilna nisimgħu bħalu f’dawn l-aħħar ħames snin, u żġur mhuwiex se jaħsad jew jgħaġġeb lil ħadd. Madanakollu, dak li jista’ jkun ġdid huwa li l-qagħda dal-aħħar iġġravat ħafna aktar minn qabel. Is-sħubija tar-Russja u t-Turkija hija waħda biss mis-sinjali. Oħrajn jinvolvu lil Franza, l-Ingilterra u l-Italja, li issa qed jingħaqdu f’offensivi magħquda kontra l-għedewwa antiki tagħhom.

Il-Libjani, bħas-Sirjani u l-Jemeni, bil-mod il-mod qed isiru, jekk mhux diġà saru, pupazzi f’idejn il-qawwiet akbar minnhom. Il-pika u l-mibegħda ta’ bejniethom m’hijiex qed tħallihom ħielsa mill-interessi tal-barranin imma, minflok, qed jagħmilhom aktar u aktar dipendenti u marbuta magħhom.

Il-Libjani jridu jirbħu fuq xulxin, imma sadattant qed jaraw sa mneħirhom. Mhumiex qed jagħtu każ li l-barranin li qed jgħinuhom qed jagħmlu dan għall-ġid tagħhom infushom u mhux għall-ġid tal-Libjani jew tal-Libja. L-agħar hu li did-dipendenza se tikber ’il quddiem, ukoll meta tintemm dil-gwerra (li xi darba tintemm żgur).

Sehem Malta

Minkejja li l-Ġnus Magħquda qed tagħmel li tista’ kemm biex twaqqaf il-ġlied fil-Libja kif ukoll biex tnaqqas l-indħil barrani, aktar la qed jirnexxielha l-waħda u lanqas l-oħra. L-interessi kbar u qalila li daħlu f’dil-gwerra mdemma min-naħa ta’ kulħadd, u mhux tal-Libjani biss, issa laħqu proporzjonijiet fejn ħadd ma jrid iċedi mqar pulzier wieħed. Kulħadd irid jibqa’ jerda.

M’għandniex xi ngħidu, dawk li qed imorru l-aktar minn taħt huma ċ-ċivili, l-aktar dawk li qed jinqabdu bejn in-nar tal-ġellieda. Lil daċ-ċivili ħadd ma hu qed jiddefendihom, għajr forsi l-Ġnus Magħquda. Imma din qed turi ruħha dgħajfa wisq biex tagħmel dmirha jew biex trażżan lil kulmin hu mdeffes fil-biċċa.

Malta mdaħħla f’dat-taħwid daqs ħaddieħor. Iż-żewġ ambaxxati Libjani li għandna hawn fostna juri li l-pożizzjoni tagħna hi l-aktar l-aktar ambigwa. Malta tibqa tħeġġeġ l-intervent tal-komunità internazzjonali; imma kulħadd qed jara x’qegħdin nieħdu b’dan.

Il-gwerra ċivili fil-Libja hi tal-biki l-aktar għax, fost il-paroli ta’ kulħadd, ħadd ma jidher li jrid iwaqqafha. Bħal dejjem, l-interessi finanzjarji qed jiġu hawn ukoll qabel il-valur tal-ħajja u tal-paċi.

L-Amerika u kulmin appoġġjaha ħames snin ilu għandu għalfejn ikun kuntent tabilħaqq għal dan l-isfreġju li għamlu!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?