Il-Bambin ta’ Dimech


Nhar il-Ġimgħa, jum il-Milied, Manwel Dimech jagħlaq 160 mit-twelid tiegħu. Huwa twieled it-Tlieta, 25 ta’ Diċembru tal-1860. Għalhekk semmewh Manwel jew Emmanuele, kif kiteb fir-reġistru tal-magħmudija l-kappillan tal-parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta. Ommu u missieru, Vanġiela u Karmenu, kellhom bambin f’jum il-bambin! Imma din tal-bambin Dimech ma setax għaliha.

Poeżija

Fi żmien Dimech kien hemm ħafna affarijiet ta’ natura reliġjuża li fuqhom kienu jikkritikawh. Imma ebda waħda minnhom ma baqgħet tissemma’ daqs dik li fiha qal li “Alla mhux bambin”, l-aktar minħabba l-użu repetut u malizzjuż li sar minnha wara. Din l-espressjoni bdiet tinftiehem eżatt bil-maqlub: li l-bambin mhux Alla!

Din kienet saret kapital kbir minnha mill-għedewwa ta’ Dimech biex joskurawh mal-pubbliku. Snin wara, inħolqot ukoll il-ħrafa li madwar l-1921 San Ġorġ Preca kien beda l-purċissjonijiet bil-Bambin fil-lejl tal-Milied propju minħabba din l-espressjoni ta’ Dimech. Dil-ħrafa xandruha l-aktar Herbert Ganado u l-Patri Franġiskan Alessandru Bonnici. Fil-fatt ma jeżisti assolutament ebda fundament storiku għal dil-fantasija.

L-espressjoni kienet ġiet minn poeżija twila ta’ disgħa u tletin strofa, imsejħa “Lit-tarbija fil-benniena”, li Dimech xandar fil-“Bandiera tal-Maltin” tat-12 ta’ Awwissu tal-1911. Il-poeżija, li snin wara Dimech qal (b’esaġerazzjoni umoristika) li kienet “waħda mill-isbaħ poeżiji li qatt inkitbu minn kemm il-pjaneta Art ilu mgħammar bil-bnedmin”, inkitbet bl-intenzjoni li sservi lill-ommijiet biex iraqqdu lit-trabi tagħhom.

Alla mhux tifel

Wara ftit strofi tal-ftuħ, il-poeżija titħaddet fuq dawk il-valuri li Dimech xtaq jgħaddi lit-tfal – bħall-qlubija, l-irġulija, il-kburija, il-patrijottiżmu, l-onestà u l-bqija. Imbagħad jasal għall-punt fejn jgħid li lil ħadd m’għandna nqisu bħala alla, ħlief lil Alla waħdu. Hawn, fit-tlieta u tletin strofa, qabel ma jkompli jitħaddet dwar Alla, jiġu l-famużi kliem:

Mhux bambin lil Dan sejjaħlu,

Għax bambin Dan qatt ma kien:

Alla Dan, Ħallieq ta’ kollox,

Fuq kulħadd u fuq iż-żmien.

“Bambin” ġejja mit-Taljan “bambino”, li tfisser “tifel”. Meta ngħidu għal raġel magħmul li hu tifel, ifisser li huwa mmatur jew vavu u, bħala tali, ma jistħoqqlu ebda rispett. Dimech, fil-kontrapożizzjoni bejn Alla l-veru u l-allat foloz ta’ żmienu, ried joħroġ id-differenza bejn l-kobor tal-ewwel u ċ-ċokon tat-tieni. Hu għalhekk li jgħid li Alla mhuwiex bambin, jiġifieri mhuwiex tifel.

Alla l-akbar

Dimech ma jiċħadx l-umanità tal-persuna divina tal-Iben t’Alla. Infatti, minn dan it-twemmin Dimech jislet aktar ħsibijiet. L-ewwel nett, li hemm biss Alla wieħed u mhux ħafna allat. Għalhekk il-qima, ir-rispett u l-ubbidjenza għandha tkun lejn l-Alla wieħed u veru biss. “Allat oħra ma narawx aħna,” jgħid Dimech, “u f’allat oħra ma nemmnux.”

Dan jgħidu bħala kumment għall-ewwel propożizzjoni tal-Kredu: “Jiena nemmen f’Alla wieħed il-Missier li jista’ kollox”. Minn hawn, Dimech jislet anki ħsieb soċjali. Ladarba hemm biss Alla wieħed u allura lilu biss imiss id-dritt li jikkmanda, allura s-sottomissjoni tal-bniedem m’għandha ssir lil ħadd ħlief lilu biss. “Ħadd,” jgħid Dimech, “[m’għandu] jagħmel bina dak li jrid: jitmagħna l-ħobż kif irid hu, bil-prezz li jrid hu, etc.”.

Dimech jisħaq li l-ubbidjenza lil Alla wieħed u veru, li hu fuq kulħadd, jagħti lill-bniedem ħelsien sorprendenti. “Ħieles ħalqek Alla,” jgħid Dimech, “u ħieles fittex li tkun. [Alla] ma ħalqekx ilsir, u lsir la tkunx, lanqas tas-slaten biss; għax dawn bnedmin bħalek.”

Twemmin u soċjetà

Teoloġikament, dan hu korrett. Imma l-implikazzjonijiet soċjali li kull darba Dimech kien jislet mid-dommi tal-fidi ma kinux jistgħu jiġu aċċettati faċilment minn teologi li ma kellhomx orjentament soċjali. Il-fondoq bejn is-sagru u l-profan, bejn ir-reliġjon u l-ħajja, bejn it-teoloġija u l-filosofija, kien għadu kbir wisq.

Ngħidu aħna, għal Dimech il-filosofija kollha tiegħu tad-“dawl” kellha, f’termini reliġjużi, isem wieħed: Ġesù Kristu. “Kristu biss huwa ‘id-Dawl’ kif jgħidulna Huwa stess fl-Iskrittura mqaddsa,” isostni Dimech, “u dawk li lill-poplu flok it-tagħlim ta’ Kristu jagħtuh it-tagħlim tal-bnedmin, ma jixtiqux iqarrbuh lejn id-dawl, anzi jagħmlu kemm jafu u jistgħu biex ibiegħduh minnu.”

Dimech ma kien jara ebda ferq jew firda bejn it-twemmin reliġjuż u l-għajxien soċjali. “Ir-reliġjon ta’ bosta nies nafu wisq tajjeb safejn tasal!” jgħid Dimech, “Insara għax jiftħu idhom, bħalma jagħmlu x-xadini biex jilqgħu ġellewża! u jroddu kemm slaleb jifilħu, għax ixarrbu ġbinhom bl-ilma mbierek, u jemmnu b’Alla, ħaġa li jagħmilha x-xitan ukoll.” Dimech jistaqsi: “Liema xitan ma jemminx b’Alla?”




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?