Taparsi repubblikaniżmu


Għal min jiftakar, fil-jum li fih twieldet ir-repubblika tagħna sitta u erbgħin sena ilu, il-Ġimgħa, tgħidx kemm niżlet xita. Naħseb Mintoff, magħluq il-parlament, jinnegozja l-aħħar mumenti tal-kostituzzjoni l-ġdida tagħna, lanqas kien jaf x’tixriba kienu qed jieħdu dawk li nġabru barra fil-mainguard jistennew il-mument. Għalkemm ix-xita, fuq pajjiżna kienet ix-xemx; ix-xemx tar-repubblikaniżmu.

Ċerimonjaliżmu biss

Ix-xemx? X’xemx hi? Ir-repubblikaniżmu mhuwiex jum. Mhuwiex festa. Mhuwiex ċelebrazzjoni. Mhuwiex is-solita ċerimonji vojta li l-politiċi jħobbu jilagħbu bihom f’dal-ġranet. Ir-repubblikaniżmu mhuwiex medalji u titli. Mhuwiex kliem vojt, diskorsi u paroli sabiħ. Mhuwiex tlablib u tpaċpiċ.

Ir-repubblikaniżmu hu valuri. Jekk pajjiż għandu dal-valuri allura hu repubblikan. Jekk m’għandux, mhuwiex. Il-valuri m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ ċerimonji, medalji, titli, diskorsi, paroli, tlablib, tpaċpiċ u x’naf jien. Il-valuri huma għajxien. Jew tgħixhom jew ma tgħixhomx. Jekk tgħixhom m’għandekx bżonn priedki u kummiedji; jekk ma tgħixhomx, mhux se ġġibhom bil-ħmerijiet.

Fil-bidu tagħha r-repubblika tagħna ma kinetx taparsi. Kważi ħamsin sena ilu kien hemm tabilħaqq sens ta’ xi tfisser u x’għandha tkun. Konna nafu x’inhu repubblikaniżmu. Wara, ir-repubblika aktar saret ċerimonjali milli ħaġa oħra. Il-politiċi tagħna tant ħaduha ‘for granted’ li aħna repubblika li lanqas biss baqgħu jinkwetaw aktar irwieħhom biex ikunu tabilħaqq repubblikani.

Kwistjoni ta’ valuri

Il-valuri tar-repubblikaniżmu jagħtu l-ewwel u l-aqwa post liċ-ċittadin. Il-prinċipju tal-ugwaljanza mhuwiex biss imħaddem bejn iċ-ċittadini nfushom, imma jqegħdhom ’il fuq mill-istituzzjonijiet infushom li jiffurmaw ir-repubblika. Iċ-ċittadin tabilħaqq hu suprem f’repubblika; għandu sovranità assoluta. F’repubblika li mhijiex taparsi l-istituzzjonijiet huma taċ-ċittadin, mhux iċ-ċittadin tal-istituzzjonijiet.

Dal-valur suprem tar-repubblikaniżmu jagħti liċ-ċittadini kollha s-setgħa li jiġu jaqgħu u jqumu mill-istitutzzjonijiet. Għalihom dawn jistgħu jitqiesu bħaż-żibel ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli titħares is-sovranità assoluta taċ-ċittadin. Għalhekk wieħed jifhem li mal-ugwaljanza tinrabat il-libertà. L-ugwaljanza tiġi dejjem aċċessata mil-libertà tal-azzjoni u l-ħsieb.

Jidhirli li jkun ħażin meta ngħidu li sitta u erbgħin sena ilu sirna repubblika. Aħjar jekk ngħidu: bdejna nsiru repubblika. Għala? Għax, għall-anqas b’mod formali, minn dak in-nhar bdejn nitgħallmu kif inkunu tabilħaqq repubblikani. Dak in-nhar bdejna l-proċess repubblikan li, għax sar formali, intrabattna li nibgħu nitgħallmuh.

X’istituzzjonijiet?

Għal liema isituzzjonijiet qed nirreferi? Kulma għandu s-solidità tal-liġi jew id-drawwa hu istituzzjoni. Jekk trid, kull ħaġa li hi ħlieqa tal-bniedem u li hi xi ftit jew wisq miżmuma bħallikieku għandha eżistenza formali tistinta mill-bniedem hi istituzzjoni. Fi kliem ieħor, istutuzzjoni hi invenzjoni li titqies li għandha xi għamla jew oħra ta’ personalità, realtà jew eżistenza ġuridika.

Allura, f’das-sens “omm” u “missier”, ngħidu aħna, huma istituzzjonijiet; l-istess, ovvjament, kull titlu ieħor. “Familja” wkoll f’das-sens hi istituzzjoni; bħalma wkoll kull għaqda oħra tal-bnedmin. “Eċċellenza” jew “onorevoli” huwa wkoll istituzzjonijiet f’das-sens; l-istess bħalma huma kull grad professjonali ieħor. “It-Torċa” hi istituzzjoni wkoll fis-sens li qed nitħaddtu; bħalma wkoll kull mezz formali ta’ xandir. U l-bqija.

Hawnhekk semmejt ftit kategoriji differenti ta’ dil-idea kumplessa tal-istituzzjonijiet li fihom infushom ma jeżistux għajr fil-moħħ tal-bniedem, imma li ħafna drabi jingħataw qawwa, setgħa, predominanza u preeminenza fuq il-bniedem, u jikkmandawlu ħajtu, l-identità tiegħu u l-ġejjieni tiegħu.

Inżammet il-wegħda?

Għalkemm għaddew sitta u erbgħin sena mill-bidu tar-rabta tagħna li nkunu repubblikani, żammejna dil-wegħda jew dal-kompromess? Ma jidhirlix. L-istituzzjonijiet tagħna għadhom sal-lum mhux biss qawwija, imma anki assoluti, fil-ħakma li għandu fuq iċ-ċittadini, fuq il-ħajja tagħhom, fuq l-identità tal-biċċa l-kbira minnhom u tal-futur tagħhom.

Mhux biss sitta u erbgħin sena ilu l-istituzzjonijiet ma bdewx iċedu posthom liċ-ċittadin, imma saħansitra donnhom anki ssaħħew aktar. Mhux biss sitta u erbgħin sena ilu l-“menefregiżmu” taċ-ċittadin ma bediex jikber imma talli naqas.

Ħafna drabi meta nħares madwari ma nara ebda repubblikaniżmu jekk mhux dak taparsi.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?