Il-fanatiżmu reliġjuż


Il-fanatiżmu reliġjuż mhuwiex reliġjon; wisq anqas spiritwalità. Bil-kontra, hu perverżjoni tar-reliġjon. Hawn ħafna fanatiċi reliġjużi fil-Gżejjer Maltin li jippożaw ta’ reliġjużi. Dawn huma parodija tar-reliġjon u l-Knisja. Il-fanatiżmu reliġjuż ħsara biss jagħmel; qatt ġid.

Sinjali ta’ saħħa

Is-saħħa ta’ Knisja tingħaraf mis-sinjali ta’ qdusija fi ħdanha. Hawnhekk mhuwiex il-lok fejn nidħol f’dettall ta’ x’inhuma das-sinjali. Ngħid biss li, meta jkunu ġenwini, jagħtu xhieda tal-għaqda u l-qrubija tal-erwieħ mad-divin. Huwa biss f’dawn is-sinjali, u f’ebda manifestazzjoni oħra reliġjuża, li Knisja jew komunità lokali tingħaraf għal dak li hi.

Dawn is-sinjali huma rari fil-Knisja tal-Gżejjer Maltin. Ma ngħidx li ma jeżistu xejn; għax irrid inkun preżuntuż biex ngħid hekk. Imma ftit rajt minnhom, jekk irrid inkun onest. Minflok, rajt u nibqa’ nara ħafna romantiċiżmu, ħafna sentimentaliżmu, ħafna reliġjożità, ħafna moraliżmu, ħafna spiritwaliżmu, u wkoll ħafna fanatiċiżmu ... imma xejn minn dawn ma jimpressjonani wisq. Huma kollha għamliet foloz ta’ reliġjon u simulazzjonijiet ta’ spiritwalità.

Għala dan qed jiġri jista’ jkun għal ħafna raġunijiet li żgur wieħed lanqas biss jista’ jsemmihom hawnhekk minħabba l-varjetà u l-kumplessità tagħhom. Ngħid biss li dawn huma raġunijiet li jmissu kull rokna tal-ħajja tal-Knisja fil-Gżejjer Maltin, l-esperjenza storika tagħha, kif ukoll it-tip ta’ ekkleżjoloġija u antropoloġija li tħaddan.

Id-dedikazzjoni

Minn fost dawn l-għamliet foloz ta’ reliġjon li semmejt, jista’ jkun li l-aktar waħda li hi sfaċċata (u, għalhekk, mhux l-aktar waħda perikoluża) hija l-fanatiżmu, l-aktar dak marbut mal-kult tal-qaddisin u ma’ xi movimenti ekkleżjastiċi ta’ xeqliba esklussivista. Dal-fanatiżmu jiddedikaw ruħhom lilhom xi nies bħallikieku xejn aktar ma jeżisti.

Infatti din hi n-natura proprja tal-fanatiżmu, mhux biss reliġjuż, imma ta’ kull fanatiżmu. Huwa jofroq id-dinja fi tnejn: dik tat-tajbin u dik tal-ħżiena. Imbagħad jiddeċiedi min hu “magħna” u l-bqija; min hu “magħna” huwa tajjeb u għandu raġun dejjem, min mhuwiex huwa ħażin u m’għandu raġun qatt.

Il-fanatiżmu reliġjuż ma jista’ jkun qatt xieraq għar-reliġjon għax iħaddan u jħeġġeġ valuri li huma diametrikament opposti għar-reliġjon awtentika u l-qima divina vera. Agħar minn hekk, il-fanatiżmu nisrani jmeri d-doni tal-Ispirtu s-Santu, u b’hekk jidgħi kontra Alla.

Ikun biżżejjed?

Fil-Gżejjer Maltin, għalkemm il-fanatiżmu reliġjuż nisrani mhuwiex imħeġġeġ, għall-anqas huwa ittollerat, u ittollerat bil-kbir. Dan ma jistax għajr ifisser li l-ħażin, għalkemm huwa rikonoxxut u xi kultant anki mogħti l-isem proprju tiegħu, ma jiġix miċħud u wisq anqas imwarrab. It-tolleranza tal-fanatiżmu reliġjuż nisrani huwa affront lil Alla u xhieda kuntrarja għall-Fidi.

Is-soluzzjoni għal dan tista’ tkun varjata u kumplessa daqs ir-raġunijiet li jistgħu jispjegaw in-nuqqas ta’ sinjali ta’ qdusija fil-Knisja tal-Gżejjer Maltin. Madanakollu, dak li hu ċert hu li hemm rabta bejniethom, u li waħda ma tistax tgħix mingħajr l-oħra. Dan hu biżżejjed biex jindikalna s-soluzzjonijiet x’jistgħu jkunu.

Minkejja dan, però, jien ma narax li se jkun hawn wisq li jinkwetaw fuq kif se jirrimedjaw dis-sitwazzjoni. Għala? Għax ftit nara lil min fil-fatt jinteressah. Il-fanatiżmu indera u ngħix miegħu bħallikieku ma kien xejn. L-istess kif indraw u qishom mhuma xejn l-għamliet l-oħra ta’ reliġjożità falza.

Forsi kulma tista’ tagħmel persuna huwa li tara x’tagħmel hi, u tagħmel ħilitha tagħmlu mill-aħjar. Min jaf dan ikunx biżżejjed?



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?