Il-fissazzjoni politika


Il-fissazzjoni politika mhijiex politika. Il-fissazzjoni politika hi marda. Hi marda psikoloġika li, minflok ma tgħin il-proċessi demokratiċi, tnassashom u timminahom. Ħafna nies fostna għandhom din il-marda, li d-duwa tagħha hija b’xejn għal kulħadd.

Qanpiena waħda

Għadek issib nies illum, aktarx ta’ età daqsxejn avvanzata, iffissati bil-politika b’mod inkwetanti. Kulma jinteressahom hija biss il-politika. Kulma jafu jitkellmu fuqu huwa biss il-politika. Kulma jistudja hija biss il-politika. Kulma jinjormaw ruħhom biha hija biss il-politika.

Dan nies minn filgħodu sa filgħaxija NET, NET, NET jew ONE, ONE, ONE. Jafu biss b’lewn wieħed biss: blu jew aħmar; m’hemm ebda skala ta’ lwien f’ħajjithom. Dejjem jisimgħu daqqa waħda, dik tal-partit tagħhom; u dejjem jirrepetu dak li jisimgħu. Moħħhom jaħdem biss fuq mewġa ta’ ħoss wieħed. Il-monotonija għamlu minnha opra artistika u xjenza.

Dan-nies iffissati bil-politika jaqsmu n-nies li jafu jew jiltaqgħu magħhom skont il-partit, li kemm ma’ tip wieħed u kemm mat-tip l-ieħor jassoċċjaw il-preġudizzji li għandhom iduru f’moħħhom. Kulma hu ta’ naħa waħda hu tajjeb u sabiħ; kulma hu tan-naħa l-oħra hu ikreh u ħażin.

Ħsara flok ġid

Din mhijiex politika. L-iffissati politiċi li jaħsbu li qed jieħdu sehem f’xi eżerċizzju politiku sejrin żball. Il-politika mhijiex xi taħriġ kif tifred in-nagħaġ mill-mogħoż; mhijiex eżerċizzju li mhedija f’min u xiex hu tajjeb jew ħażin. Il-politika mhijiex ġudizzju universali.

Il-politika hi djalogu kontinwu li jiżen alternattivi. Fih mhemmx lok għal fissazzjonijiet. Fih nies li ma jaħsbux ħlief b’dikotomija mhemmx post għalihom. Djalogu jimplika minnu nnifsu wżin, apprezzament, qies, ftuħ għal ideat ġodda u differenti. L-iffissati dan ma jafux x’inhu. Moħħhom dejjem fuq ħaġa waħda biss.

Lil dawn il-politika m’għandhiex x’tambihom għax jheddulha sa l-ħajja u d-dinamiżmu tagħha. L-iffissati huma għadu tal-politika għax ma jħalluhiex tiżviluppa, tikber jew tgħix. L-iffissati jriduha biss taħseb bħalma aktarx jaħsbu l-ħmir u l-bdabad.

Id-duwa tal-iffissati

Id-duwa għal dan il-mard ikreh jibda bl-astinenza. L-iffissati politiċi li jridu jfiequ jridu l-ewwel nett ma jibqgħux jaraw jew jisimgħu l-istazzjon politiku tagħhom. Din mhijiex astinenza politika. Hija astintenza min-NET jew mill-ONE. Xejn. Aqta’. Il-moħħ ikun irid jistrieħ minn dawn ħalli jibda’ jieħu l-arja u n-nifs.

It-tieni duwa wara l-astinenza hija s-sustanza. L-iffissati politiċi li jridu jfiequ jridu jibdew jesponu rwieħhom għall-fehmiet ta’ ħaddieħor li ma jaqblux magħhom politikament. Dawn iridu jisimgħu mhux biex jattakkawhom jew jisħnu fuqhom, imma biex jitgħallmu japprezzawhom anki jekk ma jaqblux magħhom.

It-tielet duwa wara dawn hija d-dieta mentali. L-iffissati politiċi li jridu jfiequ jridu jibdew jagħmlu l-politika billi jżommu qies ekwilibrat bejn dak li jisimgħu minn tal-partit tagħhom u bejn dak li jisimgħu minn tal-partit l-ieħor. Did-dieta tfisser li l-bniedem jisma’ kull naħa, japprezza ż-żewġ naħat, imbagħad jiddeċiedi.

L-iffissati politiċi għandhom problema kbira f’moħħhom, u l-marda psikoloġika tagħhom mhijiex ċkejkna. Jeħtieġu ħafna paċenzja u żmien biex ifiequ, l-aktar għax il-marda tagħhom tkun daħlet fil-fond wisq. Dan-nies iridu jżommu f’moħħhom li l-marda tal-fissazzjoni tagħhom qed tagħmel ħsara mhux biss lilhom imma wkoll lill-partit tagħhom.

Kemm nies qed jinħarqu minħabba l-fissazzjoni politika. Dawn minflok ma jagħtu kontribut pożittiv, qegħdin jinħleq fix-xejn fl-għeluq tal-mard ikreh tagħhom. Aktar ma jfiequ malajr, aktar aħjar għal kulħadd.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?