Il-miraklu ta’ fuq rasna


Waħda mid-delizzji tiegħi hija li nsegwi mill-qrib l-istazzjon spazjali internazzjonali (l-ISI) fuq l-Internet. Dan jaffaxxinani mhux biss għat-teknoloġija u x-xjenza involuta, imma wkoll, forsi aktar, għall-kollaborazzjoni mid-dinja kollha li jsir f’dan l-istazzjon. Kull ġimgħa f’din is-satellita artifiċjali grupp ta’ nies differenti ħafna minn xulxin jaħdmu għaleniija fuq il-fruntiera l-aktar imbiegħda tal-umanità. Dan hu miraklu ta’ kuljum.

L-istazzjon

L-ISI ilu jiffunzjona sa mis-sena 2000 u bniedem jista’ jsegwih fuq l-Internet minn diversi siti fosthom dik tan-NASA. Permezz ta’ trattati u ftehimijiet intergovernattivi, il-proġett multinazzjonali jinvolvi l-kollaborazzjoni attiva u kontinwa ta’ ħames aġenziji spazzjali, jiġifieri dawk tal-Istati Uniti tal-Amerika (NASA), tar-Russja (Roscosmos), tal-Ġappun (JAXA), tal-Ewropa (ESA) u tal-Kanada (CSA).

Kull ġimgħa jkun hemm fuq l-istazzjon madwar seba’ persuni jaħdmu flimkien fuq diversi opri ta’ riċerka fl-astrobijoloġija, l-astronomija, il-meteoroloġija, il-fiżika u ħafna oqsma oħra. L-ISI hija armata wkoll biex teżamina u tuża teknoloġija ġdida li tista’ sservi għat-trasport fl-ispazju u għall-iskoperta ta’ pjaneti u qmura mill-bnedmin.

Ix-xbihat tad-dinja li l-ISI xxandar direttament il-biċċa l-kbira tal-ħin fuq l-Internet huma tal-għaġeb. Magħhom bosta drabi jpoġġulek ftit tal-mużika relassanti, u tista’ tgħaddi sigħat tara d-dinja ddur minn għoli ta’ orbita relattivament baxxa ta’ madwar 2,000 kilometru ’l fuq. Hija esperjenza (litteralment) ta’ barra minn hawn.

L-umanità sabiħa

Minkejja li d-dehra tad-dinja sabiħa tagħna ddur fl-ispazju taffaxxinani mhux ftit, jien inħobb ukoll nara l-ħidma ta’ astro/kosmonawti ġejjin minn naħat differenti d-dinja li jaħdmu u jikkolaboraw ma’ xulxin f’armonija u sinkronija perfetta. Ġappuniżi, Russi, Amerikani, Ġermaniżi, Taljan, Kanadiżi ... ilkoll qisu m’hemm xejn x’jifridhom u fuq kollox m’hemm xejn li jġellidhom.

Din naraha bħala sinjal ta’ miraklu kontinwu. Tant ’il fuq mid-dinja tat-taħwid, tal-ġlied, tal-firdiet ... hemm dawn in-nies li mhumiex suġġetti għal dawn il-kruhat. Id-dinja li tidher tant u tant sabiħa hemm isfel, elfejn kilometru ’l bogħod, ma tidher xejn kerha. Anzi, tidher qisha l-isbaħ post tal-univers kollu. Ir-realtà lkoll nafu kemm hi differenti.

Madanakollu, waqt li wieħed jara dawk in-nies jaħdmu flimkien b’tant dehwa, għerf u attenzjoni, kull differenza tisparixxi. Bil-mod tagħhom, dawn l-astro/kosmonawti xi ftit jew wisq narahom jirrappreżentaw l-umanità magħquda, l-umanità sabiħa, l-umanità kif għandha tkun.

X’fortuna

Mhuwiex sinjal ta’ miraklu kontinwu dan? Jien jidhirli li iva. Imma hu isbaħ għax qed iseħħ dal-ħin, issa, mingħajr qtugħ, direttament fuq rasna. L-ISI mhuwiex ħolma, imma realtà. Mhuwiex xi xewqa ta’ paċi li ma tista’ teżisti qatt; qed titwettaq dal-mument preżenti. Mhuwiex xi ideal għoli wisq; huwa ideal għoli (litteralment) li qed iseħħ bir-rieda tajba, l-entużjażmu u l-ġenerosità ta’ ħafna nies.

Mill-bidu tal-ISI sal-lum, għexu u ħadmu fuq l-ISI madwar 250 astro/kosmonawt/a minn kważi għoxrin pajjiż tad-dinja. Bħalissa, waqt li int qed taqra dan, hemm seba’ minnhom. Dawn in-nies kollha kellhom il-politika u r-reliġjon personali tagħhom. Imma xejn minn dan ma fixkilhom fil-fehma ma’ sħabhom fuq l-istazzjon; mhux għax ċedewhom, imma għax ma ħalltuhomx ma’ xogħalhom jew mal-kollaborazzjoni li għandhom ma’ ħaddieħor.

Dan hu eżempju kbir u importanti għal kulħadd hawnhekk fuq l-art. Hu forsi l-akbar eżempju li għandha tal-possibbiltà mirakoluża li l-bnedmin ngħixu fil-paċi ma’ xulxin, fir-rispett u bil-ferħ. Kemm aħna fortunati tabilħaqq li aħna għandna din il-possibbiltà mill-isbaħ li nikkontemplaw kuljum dal-miraklu tal-għaġeb.



Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?