Responsabbiltà politika


Bħal daż-żmien sena konna għaddejjin minn tempesta sħiħa fuq ir-responsabbiltà politika. Tempesti jew mhux, dit-tema hi dejjem waħda t’importanza kapitali għal pajjiż demokratiku. Madanakollu, ħafna drabi din l-għamla ta’ responsabbiltà hija mifhuma b’legalistiku ħafna. Hemm mod aktar morali ta’ kif għandha tinftiehem, u jidhirli li din hi l-aktar importanti.

Fit-teorija

Gvern responsabbli jfisser għal ħafna li kull qaddej ċivili irid legalment iwieġeb għall-azzjonijiet tiegħu quddiem awtorità akbar fl-istess gvern. L-ogħla awtorità hija l-kostituzzjoni, li għaliha jwieġeb il-president. Din il-fehma legali hija biżżejjed għal ħafna. F’demokrazija ma naħsibx li hi, però.

Il-funzjonarji tal-gvern ċivili f’uffiċċji ta’ awtorità, ukoll dawk li mhumiex eletti mill-poplu (li huma l-biċċa l-kbira), xorta waħda huma responsabbli għall-poplu. Jekk huma jwieġbu għal għemilhom lill-ministru, u l-ministru lill-prim ministru, u l-prim ministru lill-president, dawn kollha għandhom obligu morali li jwieġbu għal għemilhom lill-poplu sovran.

Din is-sistema legali għandha tiggarantixxi l-indafa fl-operat tal-gvern kif ukoll id-dixxiplina. Infatt, ma hemm ebda parti tal-magna kumplessissima tal-gvern ċivili li hu meħlus minn din ir-reponsabbiltà politika. Kull parti twieġeb għall-oħra; kull parti titħares mill-oħra.

Fil-prattika

Dan fit-teorija. Fil-prattika mhux hekk. Meta niġu għall-konkret issib li l-poplu ma hu responsabbli lejn ħadd. Il-liġi tħares il-liġi u daqshekk. Ir-responsabbiltà morali li kull ċittadin f’awtorità għandu lejn il-poplu donnha tixxejjen meta tiltaqa’ mar-ras iebsa tal-liġi. Anzi, jekk il-liġi hi sodisfatta, allura r-responsabbiltà morali tingħata l-ġenb.

Issa naf li, malli ngħid hekk, se jqumu l-gwappi u l-galantomi kollha jgħidu li dan mhuwiex minnu, li kull funzjonarju tal-gvern fl-aħħar mill-aħħar irid iwieġeb lill-poplu għal għemilu. Jien xorta waħda ngħid li dan mhuwiex minnu, u li l-mostru governattiv ħafna drabi jagħmel dak li jrid u dak li jaqbilli irrispettivament mill-ġid tal-poplu jew taċ-ċittadini li jsawruh.

Tant hu hekk, li s-sigriet kollu f’dil-istorja tar-responsabbiltà morali, imma wkoll legali, taqa’ fuq il-midja. Il-ġurnalisti liberi, li ftit nafu xi jfissru f’Malta, huma pedina ta’ importanza kapitali f’demokrazija minħabba l-funzjoni essenzjalissima li għandhom li jindagaw mingħajr il-permess ta’ ħadd. Il-funzjoni tagħhom hija li jdaħħlu mneħirhom fejn ma jesaħhomx.

Ħasla ħaslun

Jekk din il-funzjoni tiġi nieqsa, addio responsabbiltà poltika li twieġeb lill-poplu jew anki, ħafna drabi, li twieġeb lill-kostituzzjoni. Hija l-fehma tiegħi li din il-funzjoni mhux biss hija nieqsa f’pajjiżna b’dannu serju għad-demokrazija, imma n-nuqqas tagħha hi saħansitra parti mis-sistema nnifisha. Dan jurik kemm fiha sustanza r-responsabbiltà politika li titħaddem f’pajjiżna.

X’jiġri b’daqshekk? Jiġri li l-funzjonarji tal-istat, li suppost huma l-qaddejja tal-poplu, ħafna drabi jifformaw super-stat li għandu r-regoli u l-ħajja tiegħu indipendentement mir-regoli u l-ħajja tal-istat. F’dan is-super-stat, magħmul mhux mill-ħaddiema kollha taċ-ċivil (għalkemm jistgħu jkunu jafu sewwa x’qed ibażwar), imma l-aktar minn funzjonarji f’postijiet ta’ awtorità, ma tindaħal ebda sistema demokratika, imma biss sistema ta’ patroċinat, jiġifier ta’ ħbiex li jieħdu ħsieb il-ħbieb.

Demokrazija mingħajr sistema tajba ta’ responsabbiltà politika ma tistax tkun demokrazija, jiġifieri ma tistax tkun tal-poplu, mill-poplu, għall-poplu. Dan għax hi sistema magħluqa fiha nnifisha, li tieħu ħsieb lil nnifisha, u tiffunzjoni għaliha nnifisha.

Dal-pajjiż irid jirrevedi sewwa s-sistema demokratika tiegħu, u jagħtiha ħasla ħaslun.

Is-sena t-tajba lil kulħadd!




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?