X’ġimgħa għad-demokrazija!


X’ġimgħa kienet din għall-paġni tad-demokrazija! It-Tnejn li għadda ġie deċiż li Assange ma jiġix estradit lejn l-Istati Uniti, u l-Ħamis ta’ wara l-“Capitol” Amerikan ġie invadut mill-massa. Daż-żewġ avvenimenti, hekk fi spazju ta’ tliet ijiem, qishom jiddefinixxu d-demokrazija kif inhi mħaddma fid-dinja llum. Bil-mod tagħhom, kull waħda minnhom huma sbieħ daqskemm huma koroh.

Julian Assange

Nibdew b’dak li ġara fl-Ingilterra t-Tnejn li għadda meta qorti Britannika ddeċidiet li Julian Assange ma jiġix estradit lejn l-Amerika. Assange huwa l-fundatur ta’ Wikileaks, organizzazzjoni li kixfet eluf ta’ dokumenti li ħafna gvernijiet tad-dinja, inkuż tagħna, ippreferew li jibqgħu għal dejjem mistura u minsija.

Assange, ġurnalista Awstraljan ta’ madwar 50 sena, kien akkużat mill-Amerika li kiser il-liġi tal-espjunaġġ, u tridu bil-qawwa jgħaddi ġuri u jmur il-ħabs għal għomru. Wara li għadda l-isbaħ seba’ snin imtarraf fl-ambaxxata Ekwadorjana ta’ Londra, huwa ġie arrestat mill-pulizija Britannika u maħbus, fejn għadu sal-lum.

Il-qorti maġisterjali ta’ Westminster, ippreseduta mill-maġistrat Vanessa Baraitser, kellha tiddeċiedi jekk it-talba tal-Amerika għall-estradizzjoni ta’ Assange setgħetx tiġi milqugħa. Le, qalet il-maġistrata. Imma mhux minħabba li t-talba tal-Amerika hi ħażina, imma għax, miskin, l-akkużat ma jiflaħx! Fi kliem ieħor: le bil-pulit. Imma mhux le fuq il-prinċipju li Assange hu innoċenti.

Did-deciżjoni hi sabiħa daqskemm hi ipokrita. Assange lanqas biss imissu jkun akkużat b’xejn. Għandu jkunu l-ħajr u l-foħrija ta’ kull persuna deċenti fid-dinja. U hekk għad ikollu ... xi darba.

Il-qalb Amerikana

Lanqas kienet għadha birdet dil-aħbar ta’ Assange meta fil-kapitali Amerikana ġraw ħwejjeġ tal-għaġeb. L-aqwa waħda hi li ċorma nies, li kienet tgħodd ftit mijiet, assedjat il-bini sabiħ imsejjaħ “Capitol”, il-post fejn tiltaqa’ l-ogħla awtorità tal-pajjiż, il-Kungress Amerikan. Ġara li l-assedju rnexxa, u n-nies daħlu fil-qalba ta’ qalb l-Amerika, is-sala tal-Kungress u okkupatu għal ftit tal-ħin.

Din il-ġrajja hi fiha nnifisha tal-għaġeb. Mhux biss għax il-massa nifdet wieħed mill-aktar postijiet mgħassa u mqaddsa tad-dinja, imma wkoll għax daħlet u saltnet fejn qatt ma setgħet tagħmel b’xi mod ieħor. Il-“Capitol” hu s-simbolu ewlieni mhux biss tad-demokrazija dinjija imma wkoll tal-istituzzjoni governattiva. Li tinfdu jista’ jfisser li tieħdu f’idejk, tagħmlu taċ-ċittadin, troddu lill-għajn tal-qawwa kollha tiegħu.

Dan kien il-messaġġ ta’ xi wħud li mifdu l-bini mqaddes nhar il-Ħamis li għadda; għalkemm mhux ta’ kollha. Din hi l-ħasra. Għax xi wħud ma kienu xejn għajr slavaġ qed jiżvogaw il-frustrazzjoni u d-dwejjaq tagħhom għat-telfa imminenti tal-idolu sakrilegu tagħhom Donald Trump.

Żball bil-kbir

Daż-żewġ avvenimenti --- il-ħarsien ta’ Assange mill-vendikazzjoni governattiva, u t-teħid tal-ogħla istituzzjoni governattiva demokratika --- huma bil-mod tagħhom l-parametri tad-demokrazija nnifisha. It-tnejn jagħtu ġieħ, ukoll jekk mhux safi għal kollox, liċ-ċittadin u s-sovranità tiegħu.

L-Assangijiet kollha tad-dinja jridu dejjem jiġu mħarsa minn min irid jikkontrolla t-tagħrif, iqasqsu kif irid u jużah kif irid. Assange jirrappreżenta l-jedd taċ-ċittadin li ma jiġix ittrattat ta’ vavu. L-istess xi wħud, mhux kollha, li qabdu u daħlu fil-“Capitol” u ħakmuh għal ftit minuti. Huma poġġew idejhom fuq dak li xi wħud jirriservawh għalihom biss; post li jirrappreżenta kumplessità pussessiva tal-għaġeb.

Għalkemm Assange inżamm l-Ingilterra għar-raġunijiet il-ħżiena, u għalkemm xi wħud minn dawk li ppossessaw il-“Capitol” għamluh għar-raġunijiet il-ħżiena, fiż-żewġ każijiet id-Demokrazija setgħet tbissmet mhux ftit ... u, min jaf, anki ferħet.

Min mingħalih li jista’ jaħkem id-demokrazija għal dejjem sejjer żball bil-kbir.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?