Gratitudni u parteċipazzjoni


Dawk li ħafna fostna jsejħu bil-pulit “refuġjati” jew “klandestini”, dawk li oħrajn anqas puliti jsejħulhom “suwed”, huma nies li huma parti mill-fibra integrali tas-soċjetà tagħna. Imma dan ma jidhirx mill-istituzzjonijiet tagħna. Mhux biss l-immigranti mhumiex jipparteċipaw fid-dinamiżmu soċjali u politiku tagħna, iżda ħafna drabi lanqas biss għandhom il-gratitudni tagħna.

Sehem soċjali sħiħ

Ħa nibda bil-gratitudni. Dan ifisser li nappreżżaw is-sehem, hu x’inhu, li l-immigranti qed jagħtu għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Hawnhekk ma nirreferix biss għax-xogħol li jagħmlu, speċjalment fl-oqsma tas-servizzi u tal-bini. Nirreferi wkoll għall-kuntatti varjati li aħna u huma jkollna ma’ xulxin fuq bażi kontinwa.

Min jagħmilha ma’ ħaddieħor żgur li jinfluwenza lil ħaddieħor. Din hi influwenza miż-żewġ naħat. Hi influwenza li b’xi mod jew ieħor tibdel lil dak li jkun, iġġegħlu jadatta ruħu, twasslu jitħajjar għal drawwiet ġodda u wkoll tagħtih idea oħra tiegħu nnifsu.

Dawn l-effetti tal-emigranti fostna, jiġifieri tax-xogħol u tad-drawwiet, għandna nkunu grati għalihom. Dan huwa l-minimu li nistgħu nagħmlu. Sfortunatament, però, ħafna lanqas s’hawn ma jaslu. Għalihom l-immigranti huma żejda, mhux mixtieqa u ingombru. Din il-fehma mhux biss hija delużjoni imma wkoll kattiva.

L-immigranti huma nies. Għalija dan biżżejjed biex inkun grat għall-preżenza tagħhom, aktar u aktar jekk ma kinetx mitluba.

Assenti kullimkien

It-tieni hemm il-parteċipazzjoni. B’dan nifehm li l-immigranti jieħdu sehem attiv fid-dinamiżmu tal-istituzzjonijiet tagħna. Dan għandna nfittxu li jsir għal mill-anqas żewġ raġunijiet. Waħda, dawn huma parti mis-soċjetà tagħna; għalhekk għandu jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet soċjali u politiċi li jsiru. It-tieni għax l-istituzzjonijiet għandhom ikunu soċjalment rappreżentattivi kemm jista’ jkun.

Minflok x’inhu jiġri. Ibda mill-parlament, kompli bil-kunsilli lokali, imbagħad asal wasla sal-kumitati tal-klabbs tal-futbol, tal-baned u ta’ soċjetajiet oħrajn ... ebda waħda minn dawn ma ssib immigranti rappreżentati. Ma’ dawn inżid id-diversi friegħi fi ħdan il-partiti politiċi kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak nazzjonali.

Fi ftit kliem, l-immigranti huma assenti kullimkien. Jien ma nara ebda sforz, wisq anqas “policy”, ta’ xi ħadd li jara kif jibda jew ikabbar il-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-laqgħat istituzzjonali tagħna.

Aktarx ma’ dawn li diġà semmejt m’għandix inħalli barra lill-Knisja bil-parroċċi tagħha. Hawnhekk ukoll l-immigranti huma assenti bħallikieku m’humiex parti mill-kommunitajiet parrokkjali.

Post fil-fibra politika

Ħafna drabi l-inizzjattiva għall-bidu tal-parteċipazzjoni hija mistennija li tiġi min-naħa tal-immigranti nfushom. Din hi stennija bla sens. Għax l-immigranti huma relattivament ġodda fostna u ma jistgħux ikunu jafu kif jagħmlu biex jipparteċipaw mingħajr ma jidhru prużuntużi.

L-inizzjattiva trid tiġi mill-Maltin u l-Għawdxin. Huma dawn li jridu joħolqu mod ta’ kif jibdew jew ikabbru l-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-laqgħat u fl-istituzzjonijiet tagħhom. Dan jista’ jsir billi jsibu modi ta’ kif jgħarrfuhom bis-sehem li jistgħu jagħtu, idaħħluhom fl-organizzar tal-laqgħat u l-istituzzjonijiet tagħhom, u jħalluhom jieħu d-deċiżjonijiet mal-oħrajn.

L-istituzzjonijiet Maltin u Għawdxin għandhom ikunu tabilħaqq rappreżentattivi, mhux bil-paroli biss, imma bil-fatti wkoll. Dan jista’ jsir biss bil-parteċipazzjoni u s-sehem tal-membri kollha tal-komunitajiet tagħna. L-immigranti m’għandhomx jitħallew barra, mhux biss għax huma nies daqs l-oħrajn, imma wkoll għax huma issa parti mis-soċjetà tagħna.

Bħalma fl-imgħoddi l-emigranti Maltin u Għawdxin f’pajjiżi oħrajn bdew jingħataw post fil-fibra politika bħalma kienu part minn dik soċjali, hekk ukoll dawn l-immigranti għandhom jingħataw l-istess.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?