Il-bakketta tat-tiġdid


Kemm hija abbużata dil-kelma “tiġdid”. Spiss tisma’ lil min jużaha bħallikieku kienet xi bakketta maġika li, bi ftit kliem taparsi msaħħar, twettaq dak li twiegħed. Kemm nies tal-Knisja kif ukoll nies tal-Istat tismagħhom iżeffnu dil-kelma “tiġdid” biex jimpressjonaw bil-ħidma tagħhom. Dil-kelma ma jixirqilhiex hekk.

Duwa maġika

It-terminu “tiġdid” tiġi mill-kelma “ġdid”. Tindika r-ritorn għal dak li hu l-bidu, il-frisk, is-sabiħ, iż-żagħżugħ ta’ xi ħaġa. “Iġġedded” ifisser terġa’ tagħmel ġdid; terġa’ tagħti l-ħajja; terġa’ trodd iż-żogħżija, lil xi ħaġa. Min iwiegħed it-tiġdid iwebbel li jista’ jibdel il-qadim, l-iskadut, l-imkisser, il-mitluf, f’xi ħaġa friska, aġġornata, sħiħa u misjuba mill-ġdid.

Din hi l-ħolma ta’ dejjem tal-umanità, speċjalment ta’ dawk in-nies ossessjonati biż-żmien, ix-xjuħija, il-mard u l-mewt. Iridu jsiru iżgħar flok ixjeħ. Iridu jerġgħu jibdew mill-bidu flok jispiċċaw. Iridu ma jmutu qatt. It-tiġdid li dawn in-nies dejjem joħolmu bih iriduh ikun bħal duwa għal kontra t-tikmix, id-deterjorazzjoni u l-kruha tax-xjuħija.

Għalhekk il-kelma “tiġdid” iddoqq sabiħ f’widnejh il-kotra. Għax tmiss in-nerv tal-akbar biżgħat ta’ kull bniedem: dik li jikber u jintemm. Ebda bniedem ma jridu dan. Għalhekk joħlom li hemm xi mod kif jista’ jagħmel biex ma jmut qatt. Għalhekk jisma’ kulmeta xi ħadd jitħaddet fuq tiġdid. Għalhekk ix-xikalli jitkellmu fuq tiġdid; biex jidhru sabiħ; biex ibiegħu il-prodott tagħhom; biex jippromovu lilhom infushom.

Ix-xewqa dejjiema

B’kull mod il-bniedem jipprova jiġġedded. M’hemmx limitu x’kapaċi jagħmel biex jirbaħ il-ħakma taż-żmien, il-qrubija tax-xjuħija u t-telfa tal-mewt. Kull ħaġa pprova l-bniedem biex jibqa’ jgħix għal dejjem. Kif jgħidu t-xi wħud fuq il-mewt, u ma jgħidux ħażin: “Tardare si, scappare no”; tista’ tbegħdha xi ftit, imma ma tista’ trażżanha għal kollox. Għada jew pitgħada se tilħqek.

Kontra din ir-realtà inevitabbli hemm it-“tiġdid”, it-twelid mill-ġdid, iż-żogħżija, ir-ritorn għall-bidu. Hija l-gidba li tippretendi li tista’ teħodha kontra r-realtà. Hija l-bandiera li jxejjer kulmin irid jiġbed l-attenzjoni tal-massa. Iwiegħdu t-tiġdid mingħajr ma jistgħu jrodduh. Iwegħduh għax jafu li jistgħu jgħadduha lixxa.

Huwa tal-għaġeb kif l-għajta tat-tiġdid tibqa’ dejjem moderna u attraenti; fiha nnifisha ma tixjieħ qatt; tibqa’ dejjem friska. Il-bniedem jibqa’ jinġibed lejha minkejja l-fallimenti tagħha. Min ixejjer dil-bandiera jirbaħ iż-żmien, u jista’ jirbaħ ukoll l-appoġġ, imma ma jistax jirbaħ jew irebbaħ. Dan aktarx jafu, imma jibqa’ jqarraq xorta waħda.

Mezzi fantastiċi

Il-mezzi li jiġu proposti għat-tiġdid huma dejjem fantastiċi, ħafna drabi miktubin f’dokumenti maħdumin tajjeb li ma jispiċċaw qatt. Paroli, paroli, paroli. Min jiktibhom mhux biss donnu jaħseb li jemmen dak li jgħid, imma wkoll li jemmen li dak li qed jgħid se jseħħ. Dat-taħriġ huwa delużjoni mill-bidu sal-aħħar.

Huwa fuq kollox maqtugħ mir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Dan-nies li jżeffnu t-tiġdid fin-nofs, li jippreżentaw dat-tiġdid f’għamla ta’ dokumenti fantastiċi, jgħixu f’dinja għalihom; dinja tal-ħrejjef. Jgħix f’dimensjoni fantastika fejn kull daħna tidher solida, u kull ħajbura tidher bħallikieku kienet tal-blat. Lanqas il-ħolm ma hu hekk. Il-fantasija tagħhom hi igdeb mill-fantasija li joħolqu.

Dan-nies jiffantastikaw li l-affarijiet jinbidlu. L-affarijiet ma jinbidlux. Tista’ teqridhom u toħloq affarijiet flokhom. Hekk, iva. Imma li jinbidlu, le. Min iħobb il-qadim u jrid jibdlu għall-ġdid, qed jitqarraq. Min iħobb il-ġdid u għalih jeqred il-qadim, mhuwiex.

Ma teżisti ebda bakketta tat-tiġdid. Jeżistu biss il-mannara tal-qadim u l-baqqun tal-ġdid.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?