It-tribaliżmu tal-kbar


Mhuwiex veru li t-“tribaliżmu” hu limitat għal pajjiżi żgħar jew għal pajjiżi kolonozzati. Dan isostnuh bosta għorrief minn fostna biex ifissru l-qsim bipolari f’pajjiżna, kemm dak politiku kif ukoll dak reliġjuż. L-Amerika mhijiex pajjiż żgħir u lanqas ma qatt kienet kolonozzata bħalma konna aħna. Madanakollu, it-tribaliżmu istituzzjonalizzat tagħha hu tal-għaġeb.

Kelma ta’ disprezz

Dak li xi wħud dejjem jirreferu għalih bħala “tribaliżmu” jindika l-għira li tribujiet primittivi jkollhom għal xulxin. Hija l-attitudni li kulħadd ifittex li jkun magħqud ġo tribù jew grupp, u dat-tribù jingħalaq fih innifsu biex iħares lilu nnifsu mill-bqija tad-dinja. Kull tribù jfittex xawwatu, u jeħodha kontra kull tribù ieħor.

Għal min juża l-kelma “tribaliżmu” b’dal-mod mingħalih ikun qed jindika sistema li jkollhom biss nies fi stat primittiv u nieqes mill-iżvilupp soċjali. Infatti, “tribaliżmu” tintuża bħala isem ta’ disprezz. Xi wħud għalhekk jużawha għall-poplu Malti. Jużawha b’referenza għall-bipolariżmu li għandna f’Malta u Għawdex fil-politika u fir-reliġjon ta’ diversi rħula, u jużawha b’disprezz.

Dan jagħmluh filwaqt li jżommu f’moħħhom li aħna poplu żgħir u ċkejken, poplu li jgħidu li ma nqajniex biżżejjed mill-kolonjaliżmu li wekkewna bih l-Ingliżi, poplu li għadu sottożviluppat, għax it-tribaliżmu tiegħu hu indikazzjoni ċar t’hekk.

Fl-Amerika wkoll

Issa jien m’iniex se nmieri lil min isostnili li aħna poplu żgħir u ċkejken, kolonjali jew sottożviluppat. Li se mnieri hu li dawn il-karatteristiċi huma indikati minn xi għamla jew oħra ta’ tribaliżmu. Dan mingħajr ma nidħol fil-mertu li t-tribaliżmu fih innifsu huma xi ħaġa sottożviluppata; għax jista’ ma jkunx.

Il-bipolarizzazzjoni li suppost jindika t-tribaliżmu mhuwiex biex proprju ta’ popli żgħar, kolonjalizzati jew sottożviluppati. Min segwa l-politika Amerikana f’dawn l-aħħar tliet xhur u aktar, u għadu jsegwiha sa dil-ġimgħa stess li għaddiet, allura malajr jasal fl-istess konklużjoni tiegħi.

Għax daqskemm huma bipolari l-Amerikani, u ħodor aktar minna f’dan, allura bil-fors wieħed jew waħda ma jistgħu jikkonkludu li l-bipolarizzazzjoni hi sinjal ta’ sottożvilupp, ċokon u kolonjalizzazzjoni. L-Amerika ma hi xejn minn dawn. Minkejja dan, ara x’tribaliżmu fiha l-politika tagħhom kif ukoll il-mentalitajiet etniċi li jeżistu fil-komunitajiet Amerikani.

Fl-Amerika, bħal f’Malta u Għawdex, it-“tribaliżmu” hu istituzzjonalizzat ukoll. Jekk biss biss tara s-CNN u l-Fox mill-ewwel tintebaħ f’liema assurdità dal-bipolarità tagħhom jista’ jasal.

Bipolarità

Il-punt tiegħi hu li t-tribaliżmu, fis-sens disprjaġġattiv, jeżisti kullimkien, fost il-pajjiżi żgħar daqskemm fost il-kbar, fost dawk sottożviluppati daqskemm fost is-soprażviluppati, fost il-kolonjalizzati daqskemm fost dawk li mhumiex.

Fi kliem ieħor, min iħobb jgħajjar lill poplu Malti bi tribaliżmu għax mingħalih din hi xi ħaġa karatteristika ta’ popli żgħar, privittivi u sottożviluppati, aħjar joqgħod pass lura u jikkunsidra t-tribaliżmu ta’ pajjiżi bħall-Amerika, biex ma nsemmix ukoll oħrajn, bħall-Ingilterra.

Il-bipolariżmu, li bħala kelma nippreferiha minn tribaliżmu, għax għall-anqas ma tmaqdarx is-sistema tat-tribujiet, hi xi ħaġa li aktarx issibha kulfejn jeżisti u jgħix il-bniedem. Il-firda bejn l-“aħna” u “huma” tmur ħafna aktar fil-fond milli sempliċi qies ta’ komunità umana, imkien ġeografiku jew stat ta’ żvilupp.

It-“tribaliżmu”, jekk trid tuża dil-kelma, mhijiex taż-żgħar biss, imma tal-kbar ukoll; taż-żgħira Malta daqskemm tal-kbira Amerika. Bil-mod tagħhom, it-tnejn jistgħu jkunu ċkejkna f’moħħhom u f’ruħhom.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?