Ir-religjon fis-socjetà Maltija llum (2)

IT-TIENI PARTI

It-tabella li tidher hawnhekk taghti xbieha grafika ta’ kif, bejn wiehed u l-iehor, kien it-twemmin tan-nies li ghexu fil-gzejjer Maltin f’dawn l-ahhar 7,000 sena. Id-dati huma, naturalment, approssimattivi u xi whud minnhom sahansitra tradizzjonali (jew mitiku). In-numru wara kull tip ta’ twemmin jindika xi ftit jew wisq l-ghadd ta’ snin li presumibbilment dam predominanti kull twemmin. Nishaq li din ix-xbieha ma tfissirx li l-‘Maltin’ biddlu t-twemmin taghhom kif gieb u lahaq, imma aktar gradwalment u mhux minghajr sfumaturi mhallta bejn il-forom differenti ta’ twemmin.

Il-fenomenu Kattoliku

Biex nifhmu l-fenomenu religjuz f’Malta u f’Ghawdex tallum jehtieg li nistharrgu daqsxejn il-grajja recenti tieghu. Dan jehtieg li naghmluh minhabba l-fatt li l-istat kontemporanju ta’ dan il-fenomenu huwa zvilupp ta’ grajjiet li sehhew kemm fix-xena lokali u kemm f’dik barranija tul l-ahhar seklu.

Bhalma jidher fix-xbieha grafika ta’ hawnfuq, f’dawn l-ahhar 800 sena r-religjon predominanti tal-Maltin kienet dik Kattolika. Ghaldaqstant, huwa lejn il-bidliet li affettwaw it-twemmin tal-Kattolici Maltin―kemm fuq livell lokali, kemm fuq livell internazzjonali u kemm fl-intern tal-Knisja Kattolika nnifisha―li jehtieg li niffokaw l-aktar. Dawn il-bidliet huma whud mill-kawzi li, b’mod differenti, sawwru l-qaghda tal-fenomenu religjuz kif jezisti fostna llum. Ghalhekk, minghajr l-gharfien ta’ dawn il-kawzi huwa aktarx impossibbli li nifhmu sewwa din il-qaghda.

Bidla drammatika

Qabel ma nibdew nistharrgu fid-dettall, ghalkemm fil-qosor, dawn il-kawzi, minghajr periklu li nizbaljaw nistghu naghmlu stqarrija generali dwar il-qaghda tal-fenomenu religjuz fil-grajja kontemporanja tal-gzejjer Maltin. L-istqarrija hija din: li f’dawn l-ahhar 40 sena dan il-fenomenu garrab bidla tassew drammatika li qajla dehret bhalha fil-grajja twila tat-twemmin religjuz f’pajjizna. Din il-bidla kienet ta’ natura differenti mill-bidliet fit-twemmin religjuz tal-Maltin li sehhew matul iz-zminijiet. Ma kinetx bidla fit-tip ta’ twemmin (nghidu ahna, minn Ruman ghal nisrani) jew fil-kontenut (duttrinali) tat-twemmin. Kienet aktar bidla fil-mod ta’ kif il-Kattolici nfushom bdew jghixu t-twewwin taghhom.

Kif wiehed jista’ jinnota mit-tabella ta’ hawnfuq, il-bicca l-kbira tal-bidliet fit-twemmin predominanti tal-gzejjer Maltin saret minhabba l-bidla fil-hakmiet politici differenti li saltnu fuqna, hakmiet li effettivament kienu jhaddnu twemmin religjuz divers (Puniku, Ruman, nisrani, Gharbi u l-bqija). Imma b’mod tassew interessanti, il-bidla qawwija li sehhet fl-ghajxien tat-twemmin predominanti tal-gzejjer Maltin minn madwar 40 sena ilu lil hawn ma kinetx hekk. Il-mexxejja politici li hakmu fuq il-Maltin tul dawn is-snin ma kinux ihaddnu xi twemmin differenti minn dak Kattoliku―ghax kienu fil-fatt ilkoll Kattolici. Hu evidenti li l-bidla fl-ghajxien tat-twemmin religjuz tal-Maltin sehhet minhabba ragunijiet ohra, ragunijiet li se nibdew nistharrgu issa.

Fatturi barranin

Ha niffukaw l-ewwel fuq dawk il-fatturi ewlenin li, lil hinn minn xtutna, taw sehem sinifikanti fil-bidla tal-mod kif il-Kattolici bdew jghixu t-twemmin taghhom fi zmien kontemporanju. B’mod telegrafiku, dawn il-fatturi nistghu nigbruhom taht erba’ ismijiet ta’ personaggi li jirrapprezentawhom l-aktar: Darwin, Marx, Freud u Einstein. M’ghandniex xi nghidu, dawn il-personaggi la kellhom x’jaqsmu b’mod dirett mal-Kattolicizmu u wisq anqas mal-gzejjer Maltin. Imma r-riflessjonijiet li ghamlu u l-bidliet li b’xi mod jew iehor spiccaw biex gabu fil-mentalità tas-seklu 20, specjalment fl-Ewropa u l-Amerika, affettwaw hafna l-mod kif, apparti hwejjeg ohra, il-bniedem beda jghix u jhares lejn ir-religjon, inkluz dik Kattolika. Dan, naturalment, ma kienx maqtugh minn hafna bidliet ohrajn, forsi aktar fundamentali u effettivi, fl-ekonomija u l-politika ta’ dak iz-zmien.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?