Filosofija u Drittijiet Maltin

Bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Frar u l-aħħar ġimgħa ta’ April se nkun qed nagħti żewġ korsijiet li nixtieq nistiednek għalihom. Wieħed se jittratta dwar il-filosofija f’Malta u l-ieħor id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin. Huma suġġetti li għandhom jinteressaw lil kulħadd għaliex fihom se nistħarrġu flimkien oqsma interessanti ferm tal-ħsieb Malti u tal-ħajja tagħna l-Maltin.

Il-korsijiet

Il-korsijiet qegħdin jiġu organizzati mid-Direttorjat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, fi ħdan iċ-Ċentru għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Ikollhom għaxar lezzjonijiet biss kull wieħed. Kull lezzjoni tibda fis-6.00 ta’ filgħaxija u tintemm fit-8.00. Kull kors ikollu n-noti tiegħu ħalli tkun tista’ ssegwi sewwa.
Dawn il-korsijiet se jsiru l-Imsida, eżatt ħdejn il-Higher Lyceum, fiċ-Ċentru għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Kulmin jattendi jingħata ċertifikat uffiċjali ta’ attendenza. Fl-aħħar tal-korsijiet, mhemmx eżamijiet u lanqas ma tkun obbligat jew obbligata tikteb xi essej. L-iskop huwa li nisimgħu lil xulxin, nitkellmu ma’ xulxin u, nittama, nitgħallmu minn xulxin.

Għandek ġimgħa biex tinkiteb għall-korsijiet. Tista’ tieħu wieħed jew l-ieħor jew it-tnejn li huma. Il-kors tal-Filosofija f’Malta se jsir kull nhar ta’ Tnejn (mit-22 ta’ Frar ’il quddiem) u tad-Drittijiet taċ-Ċittadin se jsir kull nhar ta’ Erbgħa (mill-24 ta’ Frar ’il quddiem). Biex tinkiteb għandek ċans sa nhar is-Sibt, 6 ta’ Frar.

Hemm diversi modi kif tinkiteb. L-eħfef mod huwa li ċċempel 25982444 u jgħidulek kif tagħmel.

Filosofija Maltija

Il-kors tal-Filosofija Maltija huwa bbażat fuq ir-riċerka li jien stess għamilt tul dawn l-aħħar sbatax-il sena. Jibda b’daħla ġenerali dwar l-istudju tal-filosofija f’Malta ħalli wieħed ikollu idea sewwa ta’ xiex se nittrattaw fil-kors.

Imbagħad il-kors ikun maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, nittrattaw temi ġenerali. Nibdew billi l-ewwel naraw xi rwol għandha l-filosofija fis-soċjetà u jekk għadhiex tagħmel sens fid-dinja tallum. Imbagħad naraw min hu l-filosofu u min jista’ jissejjaħ filosfu.

Wara, nagħtu ħarsa ġenerali lejn it-tradizzjoni tal-filosofija f’Malta mis-seklu 16 sallum, u naraw ukoll fi ftit aktar dettall ix-xejriet ewlenin tal-filosofija li għandna f’Malta llum. Nagħtu ħarsa wkoll x’kienu l-kitbiet filosofiċi ewlenin li ġew ippubblikati dan l-aħħar mill-filosfi Maltin.

Fit-tieni parti, nistħarrġu ftit il-filosofija ta’ xi filosfi Maltin. Dawn ikunu jinkludu lil Edward de Bono, Peter Serracino Inglott, Kenneth Wain, Mario Vella, Emmanuel Agius, Michael Zammit, John Portelli, Joseph Giordmaina, Claude Mangion, Mark Montebello, Clive Zammit, Michael Grech u oħrajn.

Kif tara, dan il-kors huwa interessanti ferm u jista’ jgħinek ħafna sabiex tistħarreġ int ukoll il-ħsieb tiegħek stess.

Drittijiet taċ-Ċittadin

Il-kors l-ieħor, dak tad-Drittijiet taċ-Ċittadin, huwa xogħol oriġinali li qiegħed inħejji għal din l-okkażjoni, imma li fih niġbor ħafna mill-ħsibijiet li għandi dwar l-istess suġġett. Nibdew b’daħla ġenerali ħalli niddefinixxu ftit x’nifhmu meta ngħidu ‘drittijiet taċ-ċittadin’ jew ‘drittijiet ċivili’.

Fl-ewwel parti tal-kors, nittrattaw l-ewwel ir-relazzjoni li aktarx teżisti bejna u bejn l-istituzzjonijiet, jiġifieri r-rwol tal-istituzzjonijiet fis-soċjetà u kif dawn jaffettwaw il-ħajja tagħna ċ-ċittadini. Imbagħad naraw il-mixja tas-soċjetà Maltija lejn waħda sekulari u din xi tfisser fir-realtà. Wara, nagħtu ħarsa lejn aspett importanti fid-diskussjoni tagħna, jiġifieri lejn id-diskriminazzjoni u kif din hi bbażata fuq il-preġudizzju u l-isterjotipi.

Imbagħad inkomplu billi nagħtu ħarsa storika lejn l-iżvilupp tad-drittijiet ċivili fil-kuntest soċjo-politiku tal-gżejjer Maltin. Naraw ukoll l-oqsfa legali li jħarsu d-drittijiet ċivili tagħna, kemm lokalment u kemm internazzjonalment.

Fit-tieni parti tal-kors, nidħlu ftit fid-dettall dwar oqsma partikulari tat-tema tagħna b’referenza speċjali għall-qagħda f’Malta u Għawdex. L-ewwel nagħtu ħarsa lejn l-emanċipazzjoni tal-mara, imbagħad lejn il-ħarsien ta’ persuni b’diżabbiltajiet, u wkoll lejn ir-rispett tal-omosesswali.

Fl-aħħar tal-kors, naraw kif inti tista’ tgħin sabiex id-drittijiet tagħna ċ-ċittadini jibqgħu jiġu mħarsa kif imiss.

Temi sbieħ

Jiena nħeġġek ħafna għal dawn iż-żewġ korsijiet. Jittrattaw temi sbieħ u importanti ħafna. Fuq kollox, it-tnejn li huma jistgħu jgħinuk, mhux biss titgħallem, imma wkoll tikber bħala persuna u tagħti sehem isbaħ lis-soċjetà tagħna. Narak!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?