90 sena mill-mewt ta’ Manwel Dimech (II)

[Jissokta minn hawnhekk]

Il-mewt ta’ Manwel Dimech, bhal-lum 90 sena ilu, fl-1921, giet attivament u konxjament ikkawzata minn persuni fl-awtorità minhabba t-twemmin u l-hidma emancipatorja tieghu. Dimech miet f’Lixandra, l-Egittu, wara sitt snin u nofs ikkalzrat u eziljat minn pajjizu.

Ezilju illegali

Ghalkemm Dimech ghamel sitt snin u nofs shah imkecci minn Malta u kkalzrat fl-Egittu, l-ahhar sentejn u nofs ta’ din l-inkarcerazzjoni qattaghhom eziljat illegalment u abbuzivament. Ha nghid ghala:

Dimech gie arrestat fil-31 ta’ Awwissu tal-1914, hekk kif faqqghet l-Ewwel Gwerra Dinjija u giet imposta f’Malta l-ligi marzjali (li prattikament ghamlet lill-Gvernatur Ingliz dittatur). Anqas minn gimgha wara, fil-5 ta’ Settembru, Dimech gie ddeportat Sqallija u moghti l-libertà. Imma fix-xahar ta’ wara gie arrestat mill-gdid u mizmum f’habs f’Siracusa.

Fit-22 ta’ Novembru tal-istess sena, Dimech gie deportat Lixandra, l-Egittu, u moghti l-libertà ghal darba ohra. Izda fix-xahar ta’ wara, rega gie arrestat u inkarcerat sa mewtu, li sehhet sitt snin u nofs wara, fis-17 ta’ April tal-1921.

Minn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-tnehhija tal-ligi marzjali (Novembru tal-1918) sakemm radd ruhu, jigifieri ghall-ahhar sentejn u nofs ta’ hajtu, Dimech kien eziljat (mhux sempliciment deportat). Bhalma kienu perfettament konxji l-awtoritajiet Inglizi f”Malta, f’Londra u fl-Egittu, dan l-ezilju kien illegali u, ghaldaqstant, abbuziv.

Mewt prematura

Il-mewt ta’ Dimech f’Lixandra (l-Egittu) kienet direttament ikkawzata mill-kundizzjonijiet tal-inkarcerazzjoni twila tieghu f’ghadd ta’ postijiet ta’ detenzjoni, fosthom habs, manikomju u diversi kampijiet ta’ koncentrament. Fl-ahhar hames xhur ta’ hajtu, Dimech kien ipparalizzat kwazi kompletament. Seta’ juza ftit ir-rigel u d-driegh tal-lemin.

Dawn ix-xhur, Dimech qattaghhom gewwa Victoria College (li ghadu jezisti sal-lum), kullegg kbir edukattiv li kien gie mibdul fi sptar militari ghall-htigijiet tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-haddiema tal-isptar kienu militari Britannici Indjani. Is-servizz kien tal-wahx. Sa kienet saret petizzjoni minn xi nies sabiex ma jithalliex aktar bil-guh, imnitten bil-hmieg tieghu stess, u mimli minn rasu sa saqajh bil-baqq (jittormentah kontinwament). Il-mewt tieghu kienet pozittivament prematura.

Dimech spicca miet wahdu, minghajr imqar habib jew ghadu magenbu. Meta radd ruhu, ma difnuh f’ebda qabar regolari. Sempliciment gezwruh fl-istess lozor imnittnin li kien miet fuqhom, haffru hofra fir-ramel ta’ madwar il-kullegg u radmuh go fiha minghajr ma mmarkaw il-post tad-dfin. Hekk, qabru ntilef ghal dejjem.

Fis-snin ta’ wara, il-post fejn difnuh safa’ urbanizzat, imbaghad ibbombardjat fit-Tieni Gwerra Dinjija u ghal darba ohra mahnuq bil-bini.

Jghix ghal dejjem

Il-valuri li xandar, hadem ghalihom u miet Dimech – id-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-libertà tal-hsieb u l-emancipazzjoni – kienu valuri li ghadhom jinhtiegu sal-lum. Id-dedikazzjoni tieghu, il-mibeghda tieghu ghal kull sura ta’ oppressjoni, is-safa tal-ispirtu tieghu u l-qawwa tal-karattru tieghu kienu kwalitajiet li jistghu jibqghu jaghmlulna l-qalb fil-hajja taghna tal-lum.

Darba Dimech kiteb hekk: “Ahna ghad inkunu mejtin, id-dud ikun kielna u giebna fix-xejn, meta forsi xi Malti milli jkun fadal, jaqra l-kliem taghna u jghid li ahna tkellimna tajjeb”.(1) Jalla dan il-Malti jkun INT. Dimech ma kienx xi bniedem perfett. Imma fid-dghufija tieghu zamm rasu fl-gholi u hares ’il boghod.

“X’jigri meta jmut Dimech?” kien staqsa ftit jiem qabel ma beda l-ezilju permanenti tieghu; u wiegeb hu stess: “Jidhru elf Dimech iehor, biex jissoktaw ix-xoghol tal-fidwa minn Dimech I mibdi”.(2)

Ix-xoghol ta’ Dimech jissokta tassew illum ukoll. Ghalkemm bhal-lum 90 sena ilu miet wahdu, umiljat u avvelit, mhuwiex aktar wahdu. U ma jkun wahdu qatt aktar. Kliemu, hajtu u t-tifkira tieghu jibqghu jghixu fil-qlub ta’ hafna nies li, bhalu, jixxenqu u jahdmu ghal dinja ahjar u isbah.

TMIEM
___________________________________

1 Minn Il Bandiera tal Maltin tal-1 ta’ Ottubru tal-1904, pagna 3 (artiklu mxandar darba ohra f’Il Bandiera tal Maltin tat-12 ta’ Awwissu tal-1911, pagna 2).
2 Minn Il Bandiera tal Maltin tal-11 ta’ Lulju tal-1914, pagna 2.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?