Monday, 11 July 2011

Skont il-kuxjenza

Dan l-ahhar bdejna nisimghu hafna diskors dwar il-kuxjenza. Jidher li, bhalma wiehed seta’ jistenna, il-fehmiet inferqu f’zewg kampi ewlenin: dawk li nistghu nsejhulhom ‘assolutisti’ u ohrajn ‘realisti’.

Tal-ewwel aktarx iqisu li jezistu certi veritajiet oggettivi (u ghalhekk jissejhu ‘assolutisti’) li kuxjenza xierqa trid toqghod ghalihom; tat-tieni aktarx iqisu li l-veritajiet huma kollha suggettivi u ghaldaqstant kuxjenza xierqa trid tadatta ruhha ghar-realtajiet (ghalhekk jissejhu ‘realisti’) bl-ahjar mod li tista’. (Fil-filosofija, nassocjaw l-ewwel pozizzjoni mal-perspettiva Platonika; it-tieni, mal-perspettiva Aristotelika.)

Applikazzjoni tal-hsieb

Il-kuxjenza hi bhal skruplu. Il-Griegi, apparti s-sens ta’ htija (aktarx dejjem gravi), ma jidhirx li kellhom kuncett taghha. Il-kuncett ta’ tberrin hafif mentali f’rabta ma’ xi dmir deher fil-kultura Latina u jixhed ghaliha Cicerun f’diversi diskorsi tieghu. Originarjament, il-kelma ‘scrupulus’ bil-Latin (diminuttiv ta’ ‘scrupus’) kienet tirreferi ghal zrara li tidhol taht saqajn persuna u ddejjaqha.

Ghal bosta hassieba u kittieba ta’ wara, il-kuxjenza kellha tifsira negattiva biss, f’sens ta’ tingis skomdu marbut ma’ xi dmir. Imma l-medjevalisti (bhalma jixhed Tumas t’Akwinu) gharfu fiha tliet dimensjonijiet: xhieda ghal xi ghemil imwettaq (bhal meta nghidu: “Ghandi l-kuxjenza mistriehha li ghamilt is-sewwa”); gudizzju dwar xi ghemil li ghandu jsir (“X’ghandi naghmel skont il-kuxjenza?”); u gudizzju dwar xi ghemil li sar (“Iddecidejt skont il-kuxjenza”).

Minhabba li l-kuxjenza hi essenzjalment l-applikazzjoni tal-hsieb ghal xi ghemil (mil-Latin ‘com-’, skont + ‘scientia’, dak li naf), l-iskruplu jidhol meta xi ghemil jitlob decizjoni li ma taqbilx ghal kollox mas-sens ta’ dmir tajjeb jew hazin li jkollha l-persuna.

Kwistjoni ta’ lealtà

Dan is-sens jitnissel f’mohh persuna mill-kultura ta’ madwarha skont filosofija partikulari. Din il-filosofija tiddefinixxi x’ghandu jkun dmir il-persuna skont certi principji etici jew morali. Ghemejjel li ma jkunux jaqblu ma’ dik id-definizzjoni ta’ dmir jitqiesu hziena jew mhux xierqa (hekk jidhol l-iskruplu), filwaqt li dawk li jkunu jaqblu jitqiesu tajbin jew xierqa.

Naghtu kaz li jien gejt mghallem inqis lil Hitler bhala awtorità morali; ghaldaqstant, niskrupla (nghidu ahna) nhalli xi Lhudi jinnegozja liberament. L-istess jghodd jekk nigi mghallem inzomm l-Imhabba Universali fl-oghla gieh; niskrupla (nghidu ahna) ngharraq l-ambjent. Hekk ukoll jekk nigi mghallem fit-twemmin Kattoliku; niskrupla (nghidu ahna) niddivorzja jew nabordixxi. F’kull kaz, niskrupla wkoll nappoggja jew niffinanzja ghemejjel bhal dawn.

Dan ifisser li l-kwestjoni tal-iskruplu (tal-kuxjenza) tiddependi kollha kemm hi fuq il-fiducja li ghandi f’dik l-awtorità li jiena nzomm bhala l-gwida etika jew morali tieghi meta nigi biex niddeciedi x’inhu d-dmir tajjeb u xieraq u x’inhu ghemil hazin u mhux xieraq. Fi kliem iehor, hija kwestjoni ta’ lealtà.

Interpretazzjonijiet u principji

Issa naghtu kaz li jien ufficjal pubbliku u jehtiegli niddeciedi jekk nappoggjax mizura governattiva li ddahhalni fi skruplu (minhabba partit, religjon, filosofija u l-bqija). Logikament, l-ewwel haga li rrid nistaqsi lili nnifsi hija jekk il-mizura tmissx il-principji fundamentali tat-twemmin tieghi jew, min-naha l-ohra, tmissx biss affarijiet ta’ applikazzjoni politika.

Jekk naghraf li tali l-mizura tikkontradixxi biss interpretazzjonijiet politici ta’ natura applikattiva, allura d-dmir etiku jew morali tieghi huwa li naghti l-ahjar sehem tieghi fil-promulgazzoni jew it-thaddim tal-mizura filwaqt li nkompli niddiskuti l-interpretazzjoni.

Min-naha l-ohra, jekk naghraf li l-mizura tikkontradixxi serjament il-principji fundamentali tat-twemmin tieghi, allura d-dmir etiku jew morali tieghi huwa li ma nappoggja l-mizura b’ebda mod (la passivament u wisq anqas attivament). Fil-prattika, dan ifisser li (biex ma nkunx kontradittorju mieghi nnifsi) nirrizenja minn ufficjali pubbliku.

2 comments:

  1. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  2. Exceptionally interesting Mark. It's like the first two theories we do in Ethics at school: Absolutism vs Relativism. I enjoyed reading it very much. Keep well. Rob

    ReplyDelete