Kampanja twila wisq

Ma nafx għala kampanja elettorali għandha ddum xahrejn sħaħ. Mhux biss iddejjaq lil kulħadd, iżda hemm il-possibbiltà kbira li wara ftit, fis-suppost qofol tal-kampanja, il-biċċa kbira minna jieqfu jisimgħu jew jagħtu kas. Mhux biżżejjed nisimgħu b’politika tiela u b’politika nieżla s-sena kollha għal ħames snin sħaħ. Irridu wkoll noqogħdu għal burraxk intensifikat għal xahrejn oħra taħt dulluvju ta’ kliem!

L-iffriżar tas-servizzi

Kampanja elettorali suppost issir, safejn naf jien, biex insiru nafu x’isarrfu u x’ma jsarrfux il-programmi elettorali tal-partiti kontestanti. Ma jidhirlix li għandna bżonn xahrejn biex nagħmlu dan. Aktar hu probabbli li f’dawn ix-xahrejn il-programmi jitwarrbu għal kollox u, minflok, nisimgħu b’ruxmata attakki u kontra-attakki li jsiru minn partit u minn ieħor.

Imbagħad hemm seħta oħra li jiġri f’dawn ix-xahrejn: donnhom is-servizzi li jiddependi mill-gvern u d-dipartimenti tiegħu qishom jiġu ffriżati. Is-servizzi biss. Għax il-pjaċiri u l-favuri f’dawn ix-xahrejn jilħqu l-aqwa tagħhom. Jekk xi ħadd ilu jistenna ħames snin għal xi ħaġa, issa hu l-waqt li joqmos.

Kollox ma’ kollox, dan ifisser li, aktar ma tittawwal kampanja elettorali, aktar hemm il-possibbiltà—jekk mhux il-probabbiltà—li ssir ħsara, jekk mhux f’każijiet partikulari, għallanqas f’każijiet li joltqu l-pubbliku ġenerali. Xahar wieħed, biex ma ngħix anqas ukoll, naħseb li kien ikun biżżejjed.

Sospensjoni tas-sens komun

Għala kampanja elettorali f’Malta u Għawdex għandha tkun trawmatika ma nistax nifhem. Iżda hekk hi. It-trawma elettorali tiġi mill-fatt li l-firda politika li, għal ħames snin, tkun moħbija u minn taħt, toħroġ fid-deher u tisplodi f’wiċċ kulħadd. Trid u ma tridx, ikollok bilfors tħabbat wiċċek magħha u tinvolvi ruħek.

Issa jekk hawn xi ħaġa f’Malta, apparti reliġjon, li dwarha l-Maltin u l-Għawdxin mhumiex kapaċi jitkellmu mingħajr ma jitilfu rashom għal kollox hija l-politika. Dwar politika ma’ ħafna nies, bħalma wkoll dwar reliġjon, ma tistax titkellem, għax ma jirraġunawx aktar. Jitilfu l-irġulija kollha tagħhom. Aħseb u ara f’kampanja elettorali!

Tista’ timmaġina kif isiru ħafna nies meta jissosspendu s-sens komun għal xahrejn sħaħ! Diġà jkunu ottu fil-ħames snin ta’ qabel; f’dawn ix-xahrejn isiru novu. Dan jinnervja lil kulħadd u jġib tensjoni bla bżonn. Għalhekk, aqsar ma tkun kampanja elettorali, aħjar għas-saħħa mentali ta’ kulħadd.

Tisma’ bilfors

Iżda xi wħud mill-politiċi mid-dehra ma jaħsbuhiex hekk. Dawn iparlaw, jiffanfraw u jgħajru ma’ kull okkażjoni li jsibu, aħseb u ara meta jkollhom skuża tajba bħal din tal-kampanja li donnhom iħossu li hu dmir tagħhom li jiftħu ħalqhom beraħ aktar. Jekk politiku jħobb l-‘ego trips’ fi żmien meta mhux waqthom, aħseb u ara x’‘ego excursion’ jagħmel meta hu waqtu! Dan ma jafx x’jiġifieri li anqas ma titkellem tant aħjar.

Il-kibxa hi li min ma jridx jisma’ jkollu jisma’ bilfors. Għax jekk hu Facebook, jekk hu Twitter, jekk hu aħbarijiet, jekk hi gazzetta, jekk hu radju, jekk hu televiżjoni, jekk hu għand tal-grocer, jekk għand barbier, jekk għand dentist, jekk hu wara quddiesa ... politika, politika, politika! U politika mingħajr razzjonalità jew loġika ta’ xejn! Partiġġjaniżmu biss.

Allura mhux aħjar tortura ta’ xahar jew anqas milli ta’ xahrejn sħaħ? Hekk jew b’hekk, ħadd ma jagħti widen lil ħadd. Kulħadd irid jgħid tiegħu; kulħadd għandu raġun; kulħadd jgħidlek li allaħares ma jiggvernax il-partit tiegħu għax diżastru żgur ikollna; kulħadd idawwar l-affarijiet kif jaqbillu.

Tabilħaqq, lanqas tkun taf aktar għandekx tidħak jew tibki.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?