Peter Serracino Inglott: Sena minn mewtu

Filwaqt li l-ewwel nofs ta’ dan il-jum tant mistenni jgħaddi fis-skiet u t-tensjoni (minn kulħadd), it-tieni nofs jgħaddi bil-ferħ ta’ ġenn (ta’ xi wħud) u l-għali (ta’ oħrajn). Sadattant, forsi f’din is-sospensjoni qasira ssib ftit tal-ħin biex taqra dawn il-kelmtejn dwar kommemorazzjoni li se ssir il-ġimgħa d-dieħla. Hija kommemorazzjoni f’ġieħ Peter Serracino Inglott f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu.

Figura kontroversali

Peter Serracino Inglott miet fis-16 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet wara ftit xhur imġarrab mill-marda qerrieda msejħa Creutzfeldt-Jakob. Huwa kien mill-belt Valletta, u kellu 75 sena. Għal sitt snin, Serracino Inglott kien Rettur tal-Università ta’ Malta (1987–88, 1991–96) u, għal sittax-il sena, Kap tad-Dipartiment tal-Filosofija (1971–78, 1987–96).

Serracino Inglott studja l-filosofija f’Malta (1951–55), Oxford (1955–58), Moska (1957), Pariġi (1958–60) u Milan (1960–63). Ġie ordnat saċerdot f’Milan mill-Kardinal Montini—il-futur Papa Pawlu VI—fl-1962. Għallem il-filosofija fl-Università ta’ Malta għal aktar minn tletin sena, kif ukoll f’bosta universitajiet oħra madwar id-dinja.

Fl-istorja reċenti ta’ Malta, Serracino Inglott huwa figura kontroversali, l-aktar minħabba s-sehem tiegħu fil-politika. Meta fl-1963 ġie lura Malta mill-istudji tiegħu, kien ta’ xejra Kommunista. Iżda fl-għaxar snin ta’ wara, filwaqt li l-filosofija, it-teoloġija, l-antropoloġija u l-ekkleżjoloġija tiegħu ħadu xejra konservattiva-liberali, il-pożizzjoni politika tiegħu tħarrket dejjem aktar lejn il-lemin, sakemm fis-snin 70 u 80 sar qrib ħafna tal-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista.

Sehem filosofiku kbir

Minkejja li s-sehem politiku tiegħu jibqa’ qasam interessanti daqskemm kontroversali tal-ħidma varjata tiegħu, Serracino Inglott kellu ħafna interessi oħra, fosthom l-arti, il-kultura, it-teatru, il-poeżija, l-arkitettura, il-letteratura, il-pittura, ir-relazzjonijiet internazzjonali u bosta oħrajn.

Fil-qasam internazzjonali, Serracino Inglott għen fl-iżvilupp ta’ inizjattivi Maltin, fosthom fil-Ġnus Magħquda, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea. Bosta minn dawn l-inizjattivi kienu marbuta mal-Konvenzjoni tal-Liġi tal-Baħar, il-Patrimonju Komuni ta’ Qiegħ il-Baħar, u t-theddida tat-tniġġis tal-baħar. Madwar dan kollu, ir-riflessjoni tiegħu għenet għall-iżvilupp tal-kunċett tal-Wirt Komuni tal-Umanità, u tal-Jeddijiet tal-Ġenerazzjonijiet Ġejjiena.

L-akbar interess ta’ Serracino Inglott kienet il-filosofija. F’dan il-qasam, mhux biss ta sehem kbir u qawwi bi ħsiebu u bil-kitbiet li xandar, imma wkoll billi ħejja eluf ta’ studenti, irġiel u nisa, ħalli jistudjaw il-filosofija akkademikament. B’dan is-sehem, Serracino Inglott biddel wiċċ il-filosofija u l-mod kif kienet tiġi studjata u mħaddma f’Malta u Għawdex.

Kommemorazzjoni

Hu sabiex jitfakkar dan is-sehem li l-Fondazzjoni ‘Philosophy Sharing’ se torganizza Kommemorazzjoni f’ġieħ Peter Serracino Inglott. Din se ssir fil-Każin Malti, Triq ir-Repubblika, Valletta, nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Marzu, bejn is-6.30 u t-8.00 ta’ filgħaxija. Kulħadd hu mistieden sabiex jattendi għal din il-Kommemorazzjoni, u d-dħul huwa b’xejn għal kulħadd.

Il-Kommemorazzjoni se tiġi indirizzata mill-filosfu żagħżugħ Mark Debono, li t-taħdita tiegħu se jkollha t-titlu nebbiexi: ‘Ħu l-fama u mur orqod!’.

Din l-okkażjoni qiegħda tiġi organizzata f’għeluq is-sena mill-mewt ta’ Serracino Inglott. Illum, sena wara mewtu, m’aħniex eqreb biex nifhmu l-filosofija tiegħu. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tibqa’ tiġi mfakkra, studjata, diskussa u mifruxa. L-attività dan hu li se tkun qiegħda tagħmel, għalkemm f’dan il-qasam għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Dan jista’ jitqies biss il-bidu.

Ġieħ mistħoqq

Serracino Inglott mhuwiex filosfu li għandu jiġi minsi jew imwarrab. Il-ħsieb u l-kitbiet tiegħu—il-biċċa l-kbira tagħhom mifruxin f’ħafna pubblikazzjonijiet u revisti—għandhom jistgħu jisfidaw il-ħsieb tagħna u jdaħħluna fi djalogu intelliġenti u profond. It-tifkira annwali tiegħu għal dan hi maħsuba.

Il-ħajja u l-vitalità ġdida li Serracino Inglott ta lill-filosofija f’Malta, u s-sehem li ta fis-soċjetà Maltija, jeħtieġ li jkomplu jikbru u jitferrxu. Hu b’dan il-mod li nistgħu nibqgħu nagħtu l-akbar ġieħ lil dan il-filosfu sinifikanti Malti.

Comments

  1. Fr Peter was a mentor and a friend to many non-Maltese speakers, too... I'd be delighted to see some commemoration events/materials in English, too!

    All the best,

    Carlo Donzella

    ReplyDelete
  2. Yes, you're right. Nevertheless, Philosophy Sharing Foundation might not be the appropriate organiser of such events/materials. The foundation is making a particular effort to diffuse the doing Philosophy IN MALTESE. This is a policy decision which, without belittling the importance of using other languages, is intended to develop a Maltese philosophical terminology, and encourage philosophical works in Maltese. Without being precipitous, I can tell you that there will probably be, in the near future, some commemoration in English organised by the Department of Philosophy at the University of Malta.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?