Miġnun b'moħħu floku (II)

Mill-ħarġa ta' qabel

Il-ħajja ta’ Don Lorenzo Milani (1923–1967)—li bħal għada ġimgħa, fis-27 ta’ Mejju, niċċelebraw id-90 sena mit-twelid tiegħu—hi ġawhra ta’ tnebbiħ. Mhux biss mil-lat tal-filosofija edukattiva, imma wkoll mil-lat uman (u spiritwali, jekk trid). Għalkemm dan il-qassis ftit hu magħruf fostna, il-mod kif wieġeb għall-isfidi tal-ħajja jista’ jixħet dawl siewi fuq l-għażliet tagħna llum. Għaldaqstant, f’dawn il-ftit kelmiet xtaqt nislet ftit minn dawn it-tweġibiet tiegħu.

Għażla konxja

Don Lorenzo kien ġie ‘eżiljat’ mill-isqof tiegħu fir-raħal insinfikanti ta’ Barbiana fl-1954 meta kellu 31 sena. Kien ilu biss seba’ snin li ħa l-quddiesa, u f’Barbiana kellu jagħmel 13-il sena, jiġifieri sa tmiem ħajtu. Il-fama ta’ qassis miġnun u mhux ortodoss kien ħadha fil-parroċċa fejn kien qabel, f’Calenzano, jassisti lill-kappillan Don Daniele Pugi. Dan kien fetaħ ‘skola popolari’ għal tfal Kattoliċi u mhux. L-’eżilju’ kisbu malli miet Pugi.

Bħalma wieħed jistenna, meta sab ruħu f’Barbiana Don Lorenzo ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel bih innifsu. Ukoll jekk ir-raħal kien primittiv, bla toroq u bla elettriku, id-dar li tawh kienet fi stat agħar. Għalhekk, l-ewwel ma ħaseb li jagħmel kien li jirranġaha. Biex jgħinuh inqalgħu għadd ta’ tfal u ġuvintur. Kienu huma—fqar, bla skola, skartati u bla futur—li tawh l-idea li jibdilhom skola.

Minn dan naraw li kienu l-kundizzjonijiet materjali li Don Lorenzo sab madwaru li ssuġġerew il-missjoni tiegħu. Mhux bil-kontra. Il-konkret ġie qabel il-ħsieb. Quddiem l-istedina jew l-isfida li ħolqu dawn il-kundizzjonijiet, Don Lorenzo kellu jagħmel għażla. Għażel li jgħin biex iniedi skola emanċipattiva. Huwa seta’ m’għamilx din l-għażla partikulari—seta’, ngħidu aħna, jagħżel li ma jagħmel xejn, li jniedi skola tradizzjonali jew li jagħmel xi ħaġa oħra. L-għażla konxja li għamel kienet għal pożizzjoni speċifikament liberatorja. (Quddiem kundizzjonijiet simili, il-biċċa l-kbira ta’ saċerdoti oħrajn m’għamlux għażla bħal din.)

‘I care’

Fi kliem ieħor, l-għażla ta’ Don Lorenzo ma kinetx ovvja. Anzi, ovvji kienu l-possibbiltajiet oħrajn li kellu. Hi din id-dinamika li timmarka mument sinifikattiv tal-ħsieb liberali. B’għażla konxja ta’ natura ideoloġika, Don Lorenzo jissieħeb ma’ min kien imfaqqar sabiex dan jikseb lura s-setgħa fuq ħajtu.

Din l-għażla Don Lorenzo esprimiha bil-motto ‘I care’ (bl-Ingliż). Huwa kiteb hekk: “Ma’ ħajt fl-iskola tagħna hemm miktub kbir: ‘I CARE’. Huwa l-motto ta’ żgħażagħ Amerikani sinjuri li ma nafx nittraduċih sew. Ifisser xi ħaġa bħal: Jimpurtani; Ngħożż. Huwa l-maqlub tal-motto Faxxista: ‘Me ne frego’ [Ma jimpurtanix]” (Ittra lill-Imħallfin, 1965).

Ibda biex, il-‘Me ne frego’ Faxxista ma kinetx tfisser ‘ma jimpurtanix’, iżda ‘niġi naqa’ u nqum’, partikularment mis-sagrifiċċju personali għal kawża akbar. Il-motto kien jintuża mit-Taljani fl-Ewwel Gwerra Dinjija, imbagħad użah il-filosfu Gabriele d’Annunzio fl-1919. Wara, tħajjar jużah Mussolini wkoll bl-istess tifsir, għalkemm l-oppożituri tiegħu kienu jaraw fil-motto disprezz għal ħaddieħor (kif jarah ukoll Milani). Ironikament, li kieku fehmu fit-tifsira oriġinali tiegħu, Don Lorenzo kien jaqbel mal-motto. Infatti, ipprattikah f’ħajtu (forsi mingħajr ma jaf).

Il-‘me-ne-fregiżmu’

Min-naħa l-oħra, il-motto ‘I care’ kien jesprimi għal Don Lorenzo “kif iċ-ċittadin għandu jirreaġixxi għall-inġustizzja”, kif jgħid hu stess fl-istess ittra, “Kif kulħadd għandu jħossu responsabbli ta’ kollox”. Dan hu minnu. Iżda minkejja dan, ir-reazzjoni għall-inġustizzja u r-responsabbiltà taċ-ċittadin illum aktar għandha tiġi espressa billi jiġi jaqa’ u jqum mit-tattiċi u l-istrateġiji li bihom is-setgħana jikkontrollaw l-imħuħ u l-ħajja tan-nies.

Hija proprju għax iċ-ċittadin jagħti kas tagħhom (billi juri li jimpurtah minnhom u li jgħożżhom) li s-setgħana jiksbu s-setgħa tagħhom. Li kieku jiġi jaqa’ u jqum minnhom u jinjorahom, jitilfu s-setgħa kollha tagħhom u ma jibqgħux aktar jaħkmu u jimmanipulaw il-ħajja tiegħu.

Illum, l-imfaqqra li jridu jiksbu lura s-setgħa fuq ħajjithom jeħtiġilhom iżarmaw lis-setgħana mill-qawwa tagħhom. Bir-rispett kollu lejn Don Lorenzo Milani u b’qima lejh, illum mhuwiex l-‘I-care-iżmu’ li jista’ u għandu jippromovi l-ħsieb liberali, iżda l-‘me-ne-freg-iżmu’.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?