Miġnun b’moħħu floku (I)

L-1968 baqgħet imsemmija għall-irvellijiet li saru f’diversi partijiet tad-dinja. Bdew fl-Amerka ta’ Fuq fis-sena ta’ qabel, marbuta l-aktar mal-moviment tad-drittijiet ċivili tas-suwed, imbagħad kibru mal-qtil ta’ Che Guevara f’Ottubru tal-1967 u l-intensifikazzjoni tal-gwerra fil-Vjetnam, u splodew bis-sħiħ mal-qtil ta’ Martin Luther King f’April tal-1968 u ta’ Robert Kennedy f’Ġunju.

F’dik is-sena kien hemm irvellijiet, ħafna drabi vjolenti, fil-Messiku, il-Brażil, Spanja, il-Polonja, iċ-Ċekoslovakkja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, l-Italja, l-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq, Franza, l-Arġentina, il-Ġamajka u f’bosta mkejjen oħra tad-dinja. Studenti universitarji, gruppi minoritarji, għaqdiet politiċi u unjins ta’ ħaddiema tnebbħu minn xulxin biex donnhom jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq.

Ktejjeb revoluzzjonarju

Fl-Italja, b’mod partikulari, fost l-okkupazzjoni ta’ diversi universitajiet f’Milan, Ruma u bliet oħra, xi ħadd ġih f’rasu li, mal-ħafna kitbiet imħeġġa li xxerrdu, iqassam ukoll ktejjeb miktub minn tmien ġuvintur fil-muntanji xi mkien ’il barra minn Firenze f’post jismu Barbiana. Il-ktejjeb kien jismu Lettera ad una Professoressa (Ittra lil Għalliema).

Il-ktejjeb ma kienx fih xi lingwaġġ partikularment adatt għal revoluzzjoni. Madankollu, kien revoluzzjonarju tassew. Kien ktejjeb li, imsaħħaħ b’esperjenzi personali u statistiċi, għamel tixlija serja lis-sistema edukattiva Taljana. Xliha li kienet klassista; maħsuba u maħduma biex tikkundanna lit-tfal fqar għall-esklużjoni, l-injoranza u l-miżerja.

Il-kittieba ġuvintur qalu li kienu ħadu sena sħiħa biex sawru l-ktejjeb u li kienu tgħallmu jiktbu mingħand wieħed qassis: Don Lorenzo Milani. Dan l-isem ftit li xejn kienu semgħu bih. Ftit kienu jafu li, sakemm ġew biex jaqraw il-ktejjeb fl-1968, il-qassis kien diġà miet fis-sena ta’ qabel b’lukimja fl-età ta’ biss 44 sena u li l-Iskola ta’ Barbiana kienet sfaxxat ukoll.

Qassis eżiljat

Iżda issa isem Don Lorenzo Milani beda jiġbed l-attenzjoni ta’ għadd dejjem akbar ta’ nies. L-iskoperta ta’ min kien u ta’ x’għamel f’Barbiana bdiet tikber dejjem aktar. Sar magħruf li fl-1958 ippubblika ktieb bl-isem Esperjenzi Pastorali li kien ġie kkundannat mill-Vatikan bħala ‘imprudenti’ u ‘inġenwu’; u li fl-1965 kien xandar Ittra lill-Kappillani Militari li fiha ddefenda l-moralità tal-objezzjoni tal-kuxjenza kontra s-servizz militari (ikkundannata wkoll mill-Vatikan).

Il-ktieb tal-1958 kien nebbaħ lill-Patrijarka ta’ Venezja, Angelo Roncalli, biex isejjaħ lil Milani ‘un povero pazzarello scappato dal manicomio’ (imsejken miġnun maħrub mill-manikomju). Ftit seta’ jobsor Roncalli li ftit xhur wara, meta ħatruh Papa bħala Ġwanni XXIII, hu wkoll kien se jirbaħ għalih innifsu l-istess titli.

Milani kien meqjus miġnun. Kien intbagħat Barbiana, f’post ta’ mitt ruħ mitluf qalb il-muntanji mingħajr elettriku jew toroq, biex jeżiljawh. Ironikament, sa l-kbir Ġwanni XXIII stess ċaħad li jtemmlu l-eżilju tiegħu. U mn’alla. Għax hemmhekk Don Lorenzo kien qed jagħmel il-mirakli: kien fetaħ skola għal tfal fqar li kienu tkeċċew mill-iskejjel bħala ‘injoranti’, ‘defiċjenti’ u ‘nies moħlija’.

90 sena minn twelidu

Iżda l-iskola ta’ Don Lorenzo f’Barbiana ma kinetx bħal kull skola oħra. Hemmhekk hu beda sistema edukattiva ġdida u stramba li fiha l-istudenti kienu l-għalliema tagħhom infushom. Dak li Don Lorenzo għallimhom kien li jirrispettaw IL-KLIEM. Min jifhem il-kliem, min jagħraf it-tifsir tagħhom, min jaf jużahom, kellu l-muftieħ ta’ ħajtu u s-setgħa fuqha.

‘Int għallimtni nfittex dak li hu essenzjali,’ kiteb darba Don Lorenzo lill-pittur Hans Staude (li kien qabbdu t-triq ta’ Alla), ‘għallimtni nwarrab id-dettalji, li nissimplifika, li nara l-affarijiet b’rabta ma’ xulxin, fejn kull parti tiddependi mill-oħra. Jien din fittixt li naraha bejn ħajti u n-nies tad-demm u l-laħam.’

Ġimgħatejn oħra, nhar is-27 ta’ Mejju, Don Lorenzo Milani jagħlaq 90 minn twelidu. Twieled fl-1923. Minn hawnhekk insellimlu u nsellem lil dawk kollha li bħalu huma idealisti biżżejjed biex jaraw ir-realtà u mġienen biżżejjed biex ikollhom moħħom floku.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?