Iċ-ċaħda l-kbira (1)

Wieħed mill-aktar fenomeni mifruxa u tal-għaġeb fl-aħħar sittin sena fis-soċjetà, partikularment f’dik tal-Ewropa (inkluż ta’ pajjiżna), kien iċ-ċaħda kategorika tal-Knejjes Insara. Is-sehem tan-nies fl-attivitajiet reliġjużi naqas drastikament (f’xi mkejjen għal kollox), u l-leħen tal-kleru kważi kważi spiċċa biex ma jingħata widen imkien.

Dan hu fenomenu mingħajr preċedenti fl-istorja millennarja tal-Knejjes Insara, u t-tendenza għall-agħar tidher li qiegħda tiżdied, mhux tonqos.

Għala dan kollu? X’inhu jiġri? F’dawn il-ħames artikli li ġejjin nixtieq nagħti ftit riflessjonijiet bħala tentattiv ta’ tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, u forsi anki xi tindikazzjoni ta’ rimedju.

* * *

Jekk wieħed jitħajjar iħażżeż mogħdija storika ta’ meta bdiet din iċ-ċaħda l-kbira tal-Knejjes Insara, aktarx irid imur lura għall-anqas sar-Revoluzzjoni Franċiża fl-1789. Iżda minkejja l-importanza kbira ta’ din il-ġrajja mdemma għas-suġġet tagħna hawnhekk, jista’ jkun li, fuq livell popolari u soċjali, mhijiex biżżejjed sabiex tindika l-firxa ta’ din iċ-ċaħda.

Tabilħaqq, ir-Revoluzzjoni Franċiża tagħti bidu, għall-anqas b’mod grafiku, taċ-ċaħda tar-reliġjon bħala istituzzjoni ta’ relevanza għat-tħaddim politiku. Iżda fis-snin ta’ wara r-revoluzzjoni, il-prattika reliġjuża aktarx baqgħet xi ftit jew wisq qawwija daqs qabel, jekk mhux xi kultant aktar.

Aktar qrib tagħna, jista’ jkun li ċ-ċaħda l-kbira tal-Knejjes Insara torbot aktar mal-Unifikazzjoni tal-Italja, meta l-Papa tilef għal kollox il-qawwa temporali tiegħu. Dan kien madwar l-1860. Iżda din il-ġrajja wkoll ma tidhirx li hi biżżejjed biex tfisser iċ-ċaħda, speċjalment dik tal-Knejjes Insara Protestanti u Ortodossi.

Il-bidu taċ-ċaħda b’mod mifrux jidher li hu aktar qrib tagħna. Aktarx nistgħu nibdew narawha aktar ċar minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn, madwar l-1950 ’il quddiem. Dan hu bil-kemm sittin sena ilu. Madankollu jidher li qabel dan iż-żmien ma kinetx evidenti xi ċaħda, għall-anqas mhux b’mod mifrux, persistenti u qawwi bħalma rajna wara.

Tassew, aktarx nistgħu nkunu xi ftit jew wisq ċerti mill-bidu taċ-ċaħda l-kbira, mifrux fost il-Knejjes kollha Insara, partikularment fl-Ewropa, mhux qabel is-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor.

* * *

Dan kien żmien meta t-teknoloġija (l-ewwel mekkanika, imbagħad elettronika) mhux biss għamlet qabżiet kbar ’il quddiem, iżda wkoll ġiet applikata b’mod wiesa’ għall-użu popolari. Mhux biss infirxu f’ħakka t’għajn mezzi ta’ kumdità domestika (bħall-magna tal-ħasil, il-‘fridge’, il-‘cooker’, u l-bqija), iżda wkoll il-mezzi ta’ trasport saru aktar konvenjenti (ajruplani, tenijiet u, b’mod speċjali, il-karozzi).

Ma’ dawn l-avvanzi teknoloġiċi, li effettivament mhux biss żiedu l-ħin liberu tan-nies, iżda wkoll biddlu r-rwoli tan-nisa u l-irġiel, wieħed irid jgħodd iż-żieda fil-mezzi ta’ komunikazzjoni (l-iprem fosthom, it-televiżjoni u l-istampa; imbagħad il-komputers u l-Internet). Dawn żiedu bla qies u b’mod mgħaġġel ħafna l-kuntatt tan-nies mad-dinja u esponewhom għal ideat, kulturi u stili ġodda ta’ ħajja.

Dan kien ukoll żmien—qed nitkellmu fuq is-snin ħamsin u ta’ wara—ta’ prosperità ekonomika f’ħafna pajjiżi tal-punent u wkoll ta’ rati baxxi ta’ qagħad. Hekk malli għaddiet il-gwerra, u miljuni ta’ nies li għal bosta snin kienu medhija bil-gwerra, issa riedu jiffurmaw il-familji tagħhom u jgħixu bl-aħjar mod li setgħu ż-żmien ġdid ta’ paċi. Barra minn hekk, kien hemm it-tifrik tal-gwerra li kien jeħtieġ ħafna ħaddiema biex jibnuh mill-ġdid.

Dawn il-fatturi kollha—semmejna t-teknoloġija u l-applikazzjoni soċjali tagħha, il-prosperità ekonomika, u ż-żieda fl-impjiegi—flimkien ħolqu soċjetà b’mentalità differenti għal kollox minn ta’ qabel il-gwerra; soċjetà li emmnet f’xogħol idejha u saret konvinta mill-ħila tagħha nnifisha li tibni dinja aħjar u isbaħ.

* * *

Barra dawn il-fatturi ewlenin, kien hemm fatturi oħra, marbuta aktar direttament mal-messaġġ tal-Knejjes Insara, li wkoll taw is-sehem tagħhom għaċ-ċaħda l-kbira. Dawn narawhom darba oħra.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?