Iċ-ċaħda l-kbira (2)

It-teknoloġija u l-applikazzjoni soċjali tagħha, il-prosperità ekonomika, u ż-żieda fl-impjiegi kienu fenomeni li kibru, jew għall-anqas saru aktar evidenti, wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija ’l quddiem. Flimkien rabbew aktar kunfidenza tan-nies fihom infushom u fil-ħiliet tagħhom li jibnu ħajjithom fuq il-kapaċitajiet tagħhom infushom.

Dawn il-fatturi ewlenin anki biddlu l-mod kif il-biċċa l-kbira tan-nies bdew iħarsu lejhom infushom: mhux aktar bħala bnedmin passivi, iżda bħala persuni attivi. Dan naqqas il-fiduċja għamja li qabel kien hemm fl-awtoritajiet. Dawn ma baqgħux jitqiesu aktar bħala l-‘muturi’ tas-soċjetà. Il-‘mutur’ ewlieni sar l-individwu, il-poplu komuni, il-pubbliku ġenerali.

Il-persuna individwali issa ġiet investita bi drittijiet umani li l-politiku kellu bil-fors iħares u jirrispetta. Dawn id-drittijiet―partikularment dawk imniżżel fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948―ma kinux tal-awtoritajiet jew tal-istituzzjonijiet tagħhom, iżda ta’ kull ċittadin individwalment. Dan kabbar l-immaġni tal-persuna individwali u tal-ħiliet soċjali, politiċi u umani tagħha.

* * *

Pari passu ma’ dan kollu, ġiet ukoll u kibret id-diffidenza dejjem akbar fl-istituzzjonijiet reliġjużi b’mod ġenerali, u fil-Knejjes Insara b’mod partikulari. Għal ħafna nies, dawn bdew jiġu identifikati mal-imgħoddi. Tabilħaqq, il-Knejjes Insara—dik Kattolika daqskemm dawk Protestanti u Ortodossi—tradizzjonalment kienu d-difensuri tal-‘istatus quo’ u tal-konservattiviżmu.

Fil-kriżi ta’ dawn tal-aħħar—jiġifieri tal-istatus quo u tal-konservattiviżmu—il-Knejjes Insara bdew jidhru dejjem aktar, mhux biss bħala istituzzjonijiet sorpassati, iżda wkoll bħala istituzzjonijiet li attivament u effettivament ifixklu lill-individwu u s-soċjetà avvanzata tiegħu.

Ħafna minna jafu biżżejjed x’seħħ f’Malta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu l-ieħor meta l-forzi progressivi tal-pajjiż sabu l-oppożizzjoni feroċi tal-qawwiet konservattivi Kattoliċi. Imma dan ma seħħx biss f’Malta. F’bosta pajjiżi tal-punent, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, seħħew taqtigħat simili, xi kultant b’anqas vjolenza u xi kultant saħansitra b’aktar.

F’Malta u Għawdex, ngħidu aħna, ma ġewx maqtula n-nies, għall-anqas mhux b’mod dirett. Iżda f’diversi pajjiżi tal-Ewropa u anki fl-Istati Uniti tal-Amerika, iva.

F’dawn it-taqtigħat, fil-waqt li dejjem kien hemm nies tal-Knisja (Protestanti u Ortodossi daqskemm Kattoliċi) li ħadu n-naħa tal-progressivi, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet tal-Knejjes ħadu n-naħa tal-konservattivi, u hekk dehru mhux biss bħala għedewwa tal-iżvilupp u l-progress, imma saħansitra bħala għedwwa tal-individwu u tad-drittijiet naturali u fundamentali tiegħu.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-taqtigħat kienu tnisslu, b’mod partikulari, min-naħa ta’ studenti li riedu jgħixu f’dinja aktar libera u miftuħa, min-naħa tal-movimenti tal-ħaddiema li ġġieldu għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol u għajxien, u min-naħa ta’ nisa u ta’ femministi li riedu aktar rispett għad-dinjità tagħhom.

Naturalment, bil-pożizzjoni li ħadu l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi f’dawn it-taqtigħat, ma setax jonqos li din il-pożizzjoni apparentement retrograda u antikwata naqqas, mhux biss il-kredibbiltà tal-Knejjes infushom, iżda wkoll il-fiduċja fihom min-naħa ta’ qtajja bla qies ta’ nies.

* * *

Dan ħoloq eżodu gradwali u massiv ta’ kredenti minn ħdan il-Knejjes Insara. Hu dan li, in parte, qiegħed insejjaħ hawnhekk iċ-ċaħda l-kbira. Naturalment, qabel it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm ħafna u ħafna waqtiet storiċi meta l-Knejjes Insara ħadu l-parti tal-konservattivi u xorta waħda ma saret ebda ċaħda mifruxa. Iżda qabel it-Tieni Gwerra dinjija ma kienx hemm ukoll it-tliet fatturi ewlenin li semmejna fil-bidu.

It-teknoloġija, il-prosperità u l-impjiegi (fost ħwejjeġ oħra relatati ta’ sinifikat anqas) ħolqu sitwazzjoni għal kollox differenti li l-Knejjes Insara ma għarfux iwieżnu biżżejjed.

Biss biss, lanqas il-Konċilju Vatikan II, li ġie ċċelebrat fil-Knisja Kattolika (bejn is-snin 1962 u 1965) sabiex jilqa’ għaż-żminijiet il-ġodda, ma kellu ħila biżżejjed li jrażżan iċ-ċaħda l-kbira. Mhux biss għax id-dannu li kien sar ma setax jiġi meħud lura, imma wkoll għaliex id-dannu baqa’ għaddej u diversi Knejjes lokali (waħda minnhom tagħna f’Malta) baqgħu jidhru li huma kontra l-individwu u d-drittijiet sagrosanti tiegħu.



Ara ta' qabel


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?