Iċ-ċaħda l-kbira (3)

Fl-għexieren ta’ snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Knejjes Insara (Kattoliċi, Protestanti u Ortodossi) baqgħu jidhru li, fil-biċċa l-kbira tal-attitudnijiet tagħhom, huma ta’ xejra konservattiva u retrograda. Dan deher l-aktar, mhux tant fl-applikazzjonijiet tad-duttrini tagħhom għaż-żminijiet moderni, daqskemm fir-relazzjonijiet politiċi tagħhom u fl-istat politiku li żammew.

Fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra, kull awtorità ċivili fil-punent kellha tagħti xejra differenti lill-istat politiku tagħha. F’dan iż-żmien, il-kunċett ta’ individwu ħa dimensjoni oħra, waħda ta’ ċentralità, universalità u assolutezza. Minħabba f’hekk, il-kunċett ta’ awtorità kellu bil-fors jieħu pożizzjoni ta’ sottomissjoni u sekondarjetà.

Wara perjodu soffert ta’ reżistenza, il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet u d-dipartimenti tagħhom kellhom jirrispondu pożittivament għal din il-bidla. Mhux tant għax kienu impressjonati mill-bidla fil-mentalità tal-biċċa l-kbira tan-nies (għax irvelli simili seħħew bil-gżuż qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u xorta waħda ebda gvern ma biddel lilu nnifsu ħalli jakkomodahom). Iżda l-gvernijiet din id-darba ma setgħux jirreżistu l-effetti qawwija tat-teknoloġija, tal-prosperità ekonomika li ġiet iġġenerata u tal-firxa fl-impjiegi.

Naturalment, dawn it-tliet fatturi ewlenin li semmejna hawnhekk kienu l-fundament tal-magna ekonomika f’kull pajjiż u f’kull soċjetà, magna li fuqha, evidentement, kienu jiddependu l-gvernijiet daqskemm kienu jiddependu fuq il-vot elettorali tal-popli tagħhom.

Għaldaqstant, dak li gliegel ta’ demm fis-sekli ta’ qabel ma kienx irnexxielhom jagħmlu—jiġifieri li jagħtu setgħa ġdida lill-individwu—seħħ permezz ta’ dawn it-tliet fatturi ewlenin, l-iprem fosthom it-teknoloġija.

* * *

Minkejja din il-bidla essenzjali fil-mod ta’ kif bdiet tiġi meqjusa l-awtorità vis-à-vis l-individwu u d-drittijiet fundamentali tiegħu, il-Knejjes Insara xorta waħda ma impressjonawx wisq ruħhom. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, kontra l-kurrent ideoloġiku komuni, u minkejja r-retorika li l-awtorità tagħhom kienet qiegħda hemm biex isservi, l-awtoritajiet Insara xorta waħda żammew il-biċċa l-kbira tal-privileġġi tagħhom.

Dan ma setax ma jkomplix inaqqar il-kredibbiltà tal-Knejjes infushom, kompla jnaqqas il-fiduċa tan-nies fihom, u kompla jżid u jintensifika ċ-ċaħda l-kbira li diġà kienet saret għal raġunijiet oħrajn (u li rajna d-darba l-oħra).

Fi kliem ieħor, l-eżodu tal-membri Insara kompla jikber. Illum, f’pajjiżna jekk imorru terz tal-poplu l-knisja b’mod regolari. F’Għawdex ftit aktar, iżda anqas minn nofs il-poplu. U dan hu ferm aħjar mis-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra tal-punent. Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi, l-attendenza regolari tan-nies fl-attivitajiet tal-Knejjes hija negliġibbli. F’oħrajn hija zero.

F’Malta u Għawdex għadna ma bdejniex nagħlqu l-knejjes għal kollox. Iżda fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, fl-Istati Uniti tal-Amerika u f’pajjiżi meqjusa li għandhom kultura tal-punent, ilhom ħafna li bdew jagħlqu l-knejjes, jibdluhom fi ħwienet, f’mużewijiet, f’‘shopping archades’ jew f’diskoteki, jew iħalluhom abbandunati għal kollox.

Minkejja li s’issa s-sitwazzjoni f’Malta u Għawdex hi evidentement aħjar minn dik ta’ pajjiżi oħra tal-punent, jidher biċ-ċar li t-tendenza ġenerali qabdet sewwa l-istess triq. Ħafna mill-quddies li jitqaddes, partikularment nhar ta’ xogħol, għandu attendenza fqira ħafna. In-nies sa minn ċerti festi popolari li jsiru fis-sajf jidher li bdiet tnaqqas sew, anki fl-attivitajiet ‘ta’ barra’.

Din it-tendenza mhijiex tidher li se tnaqqas. Anzi, aktar se tkompli żżid. Għad jiġi żmien meta l-Knisja Kattolika f’Malta jkollha tibda tagħlaq il-knejjes tagħha u żżarma ċerti parroċċa. Mhux biss għax personnel biex tfornihom ma jibqagħlhiex, imma wkoll għax iċ-ċaħda għas-servizzi tagħha tant tikber li ma jibqax viabbli toffrihom aktar.

* * *

Xi wħud jirraġunaw li meta din iċ-ċaħda tilħaq proporzjonijiet eċċessivi, isservi bħala speċi ta’ ‘wake-up call’. Iżda dan jien ma nemmnux. Għax f’pajjiżi oħrajn mhux hekk ġara. Il-kankru hu malinn ħafna aktar minn hekk.


Ara ta' qabel


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?