Sunday, 22 September 2013

Iċ-ċaħda l-kbira (4)

It-tnaqqis drastiku fl-attendenza reliġjuża regolari f’Malta u Għawdex huwa sinjal evidenti taċ-ċaħda li l-biċċa l-kbira tan-nies għamlu tal-istituzzjoni tal-Knisja Kattolika. Ir-raġunijiet ta’ din iċ-ċaħda l-kbira huma diversi, u fil-qosor rajnihom fit-tliet kitbiet ta’ qabel.

Din hija ċaħda konxja, mhux aċċidentali jew każwali. Hija ċaħda deliberata u intenzjonata. Hija abbandun ta’ strutturi li m’għandhomx jispiraw fiduċja. Hija negazzjoni ta’ korp ta’ tagħlim li m’għadux jinħass li japplika. Hija rifjut ta’ proposta għal mudell ta’ soċjetà li kważi kważi saret repunjanti fid-dinja tal-lum.

Tabilħaqq, b’diversi modi bosta nies tal-Knisja jippruvaw jiġġieldu din iċ-ċaħda u jagħmlu s-servizzi tagħhom aktar attraenti u affaxxinanti. Jagħmlu sforz ġenwin biex jippruvaw jagħtu lis-servizzi tagħhom xejra moderna li tħajjar lil dak li jkun. Dan hu apprezzabbli ferm. Iżda frankament juri biss il-profondità tas-superfiċjalità tagħhom. Għax il-problema mhijiex fit-tgeżwira tal-pakkett. Hemm xi ħaġa aktar profonda minn hekk.

Dawn il-preżentazzjonijiet ‘b’differenza’ (kif jissejħu xi kultant) jattiraw lil ftit għal tul qasir ta’ żmien. Għall-ewwel jaħdmu, iżda mbagħad xorta waħda ssib li, min jiffrekwentahom, jitbiegħed xorta waħda u jsir parti miċ-ċaħda l-kbira. Jattiraw ħafna aktar l-opri soċjali ta’ ħniena, li minnhom, għall-grazzja t’Alla, il-Knisja għad għandna xi ftit. Jattiraw għax juru l-imħabba evanġelika fil-prattika b’mod konkret. Huma dawn tal-aħħar li jleħħu bħala l-aħħar tnemnim ta’ Knisja ħajja li tħalli mpatt fuq is-soċjetà tal-lum.

* * *

Il-biċċa l-kbira tal-preżentazzjoni l-oħra kollha tal-Knisja mhumiex qegħdin jagħtu sinjali bħal dawn. Bil-kontra, qegħdin ikomplu jkabbru l-feriti tagħha. Il-festi popolari huma wħud biss minn dawn is-sinjali kontra-produċenti. Jagħtu l-impressjoni li l-Knisja tħobbhom, għandha bżonnhom u, xi kultant, saħansitra tiddependi fuqhom. Hawn parroċċi li jagħtuhom importanza kbira u jaħsbu li bihom qegħdin iħajru n-nies għall-valuri nsara. Iċ-ċapċip u ċ-ċerċuri quddiem statwi ma jista’ qatt iħalli dan l-effett, għax huwa vojt u idolatru.

Issib oħrajn li jedhew f’ċerimonjaliżmi pompużi li jippużaw bħala liturġija jew qima lil Alla. Apparti l-fatt li llum anqas u anqas nies qegħdin jimpressjonaw ruħhom minn dawn l-atti, fihom infushom dawn qegħdin ikomplu jxandru l-messaġġ falz li l-Knisja hi medhija bihom aktar minn kull ħaġa oħra.

Hemm, imbagħad, dak l-enfasi ta’ xi wħud fuq il-viżjonijiet, il-mirakli, id-dehriet u kull ħaġa oħra straordinarja. Għalkemm fihom infushom jistgħu jkunu ġenwini, dawn il-ħwejjeġ qegħdin fil-fatt ikomplu jisħqu fuq dak li fil-Knisja u fil-messaġġ evanġeliku huwa sekondarju u saħansitra insinifikanti.

Dawn huma xi wħud biss mill-ħafna ħwejjeġ li qegħdin ikabbru ċ-ċaħda l-kbira. Iżda hemm waħda li hi akbar minnhom ilkoll u li tlewwen lill-oħrajn kollha: hija r-rabta vizzjuża li l-Knisja sar għandha mal-umanità sofferenti u, aktar wiesgħa minn hekk, mal-ħajja soċjali u politika.

* * *

Fl-imgħoddi qrib, il-Knejjes Insara għamlu kompromessi kbar mal-evanġelju sabiex jippreservaw il-fedeltà u l-kooperazzjoni ma’ reġimi politiċi konservattivi li ġabu tbatijiet kbar fuq il-popli tagħhom. Dan ġara f’Malta wkoll, meta għal ħafna snin, il-Knisja kienet id f’id mal-Britanniċi ħakkiema tagħna.

Iżda l-kompjaċenza tagħha ma’ gvernijiet li ħasbu fihom infushom aktar milli għall-poplu ma waqfitx hemm. Kompliet anki wara li pajjiżna kiseb il-ħelsien mill-barrani. Il-Knisja dehret li hi aktar ħabiba ta’ min jaħkem milli ta’ min hu maħkum. Aktar minn hekk, dehret (u forsi għadha tidher) li t-tbatijiet materjali tan-nies mhumiex kompitu tagħha jew oġġett tal-interess pastorali tagħha.

F’għajnejn ħafna nies il-lum, aktarx jidher li l-Knisja għadha meqjusa bħala istituzzjoni egoista li bir-riżorsi tagħha ma tisseħibx (biżżejjed) ma’ min irid jew jaħdem għall-avvanz materjali tan-nies. Tidher li, qabel kollox, tfittex l-interess tagħha nnifisha (jekk mhux biss).

Din l-impressjoni (li tista’ tkun żbaljata kemm trid) qiegħda tissieħeb ma’ faqar ieħor: il-faqar fl-ekklesjoloġija ta’ ħafna nsara, partikularment tal-kleru, li―għalkemm ma ċaħdux il-Knisja b’mod formali―qegħdin jiċħduha xorta waħda b’mod effettiv. Naraw.

JISSOKTA

Ara ta' qabel


No comments:

Post a Comment