Il-kisba tas-subkulturi (1)

B’mod frekwenti żżejjed, dan l-aħħar spiss smajna lil min iperreċ l-idjozija li xi politiċi qegħdin jagħmlu ‘rivoluzzjoni siekta’. Ir-rivoluzzjonijiet siekta tabilħaqq iseħħu. Iżda mhux mill-politiċi. Lanqas isiru minn ħadd li huwa parti mill-kultura predominanti jew il-kultura prevalenti. Isiru minn min hu stess lanqas biss ikun jaf li qed jagħmel rivoluzzjoni. Ir-rivoluzzjonijiet siekta jsiru mis-subkulturi.

Xi tfisser ‘subkultura’?

It-terminu ‘subkultura’ huwa wieħed użat fis-soċjoloġija u fl-istudji kulturali. Jidher li l-kunċett kien ħareġ bih is-soċjologu, avukat u edukatur Amerikan David Riesman (1909–2002) fil-ktieb tiegħu tal-1950, Il-Ġemgħa Mtarrfa (The Lonely Crowd). Għalkemm fil-ktieb ma jużax it-terminu espressament, Riesman ifisser il-kunċett tiegħu (imsejjaħ ‘xeħta band’oħra’; other-directed) bħala ‘sostitut għall-morali u d-drawwiet tal-moda’ (paġna 23).

Xi wħud jippreferu ma jużawx il-kelma ‘subkultura’ minħabba li l-prefiss ‘sub-’ jista’ jimplika ċerta inferjorità. Minflokha ġeneralment jużaw ‘kokultura’ biex jindikaw ċertu paralleliżmu bejn xejriet kulturali differenti. Iżda personalment nippreferi nuża l-kelma oriġinali għax naħseb li hu essenzjali li t-terminu jibqa’ jindika, jekk mhux eżattament stat ta’ inferjorità, għall-anqas dimensjoni ta’ xi ħaġa li teżisti taħt xi ħaġa oħra jew mistura minnha.

Fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li ‘subkultura’ tirreferi għal għadd imdaqqas ta’ nies li jħaddnu twemmin, interessi, valuri, drawwiet jew stili ta’ ħajja li ma jaqblux ma’ dawk tal-kultura predominanti.

Il-pass kajman tas-subkulturi

Ħafna drabi, il-ħolqien ta’ subkultura jsir b’mod spontanju. Dawk li jkunu parti minnha spiss ma jagħmlux att konxju li joħolqu subkultura. Mhuwiex rari li lanqas biss jirrealizzaw, għall-anqas mhux millewwel, li huma parti minn subkultura. Il-ħolqien ta’ subkultura ma jsirx b’mod organizzat. Huwa ħafna drabi impulsiv u mingħajr struttura.

Għalkemm subkultura tispiċċa tisfida u thedded il-kultura predominanti, u fl-aħħar mill-aħħar iġġib bidla radikali fiha, aktarx qatt ma tibda b’intenzjoni bħal din. Ġeneralment tibda minn sempliċi aġir non-konformista li, mal-medda taż-żmien, bil-kwiet, mingħajr pjan maħsub, jilħaq proporzjonijiet maġġoritarji.

Huwa b’dan il-mod li subkultura ddaħħal il-kultura predominanti fi kriżi. Din, mingħajr ma taf kif, issib ruħha f’minoranza. Għalkemm spiss jiġri li, meta tintebaħ x’inhu jiġri, tagħmel reżistenza erojka għall-predominju tas-subkultura, il-battalja tagħha tkun diġà mitlufa, u fl-aħħar mill-aħħar ikollha ċċedi għall-influss tagħha.

Il-bidla li twettaq subkultura

Wieħed waħdu ma jagħmilx subkultura. Biex tkun tista’ titkellem dwar subkultura huwa meħtieġ li l-aġir non-konformista jkun mifrux sewwa fost in-nies u jkun miżmum fuq firxa ta’ żmien pjuttost twila. In-nies jitħajru minn xulxin. Jekk it-twemmin, l-interessi, il-valuri, id-drawwiet jew l-stili ta’ ħajja non-konformista jogħġobhom jew iħossuhom jaqblu mal-mentalità tagħhom, jinġibdu lejhom u, mingħajr storbju ta’ xejn, jibdew jitwebblu bihom u jħaddnuhom.

Subkultura rari thedded jew tisfida l-kultura predominanti b’mod dirett jew fil-miftuħ, għall-anqas mhux sakemm tikseb kunfidenza biżżejjed fiha nnifisha u trabbi wiċċ sfiq. In-natura essenzjali tagħha hi li taġixxi bil-kwiet. Hija tiżvijja mill-kultura predominati mingħajr ma ġeneralment tagħti wisq ħsieb għal dak li qed iseħħ. Sempliċiment tabbandunaha. Bħallikieku xejn, fis-skiet, bil-mod il-mod hija tieqaf tħaddan it-twemmin tal-kotra maġġoritarja, tieqaf tinteressa ruħha f’dak li din tagħmel u tieqaf tagħti siwi lill-valuri tagħha.

Hekk, bil-qajla l-qajl, mingħajr trombi, fis-satra ta’ ħajjiet privati, tibda tinseġ twemmin kważi antagonista u saħansitra sovversiv għal dak tal-kotra maġġoritarja. Tibda trabbi interessi, issawwar skala ta’ valuri, toħloq drawwiet, tgħix stili ta’ ħajja, li jkunu lkoll, mhux biss diverġenti minn dawk tal-kotra maġġoritarja, iżda wkoll konflinġenti magħhom, u anki xi ftit jew wisq opposti u kuntrastanti għalihom.

Il-kisba tas-subkulturi tibda minn hawn u tispiċċa tasal fil-bogħod. Il-qawwa tagħha hija invinċibbli.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?