Il-kisba tas-subkulturi (2)

Jissokta minn Parti 1

Is-subkulturi huma l-aqwa tama għall-bidla soċjali, politika u ekonomika. Huma tabilħaqq ir-‘rivoluzzjoni siekta’ li sseħħ mingħajr ħoss. Sempliċi fl-għaġna tagħhom, huma ta’ qawwa invinċibbli. Huma jikbru, jitkattru u jitferrxu bil-mod, minn persuna għal oħra. Ma jużawx kliem; jikkonvinċu bl-aġir. Bil-kwiet u fiż-żgur, bil-persistenza tal-prattika, jimminaw il-kultura predominanti tal-kotra maġġoritarja li tinjurahom, u jibdluha mill-qiegħ.

Is-saħħa tas-subkuluri

Kultura predominanti żżomm it-twemmin, l-interessi, il-valuri, id-drawwiet jew l-stili ta’ ħajja tagħha bi tfassil ta’ strutturi soċjali, politiċi u ekonomiċi xierqa għalihom. L-amministraturi uffiċjali ta’ dawn l-istrutturi jinkuraġġixxu kemm jista’ jkun il-ħarsien tal-elementi ‘tradizzjonali’ li jsostnu l-kultura tagħhom. Il-kliem huma l-aqwa arma tagħhom biex jikkonvinċu.

Iżda l-kliem m’għandu ebda effett fuq subkultura. Din tkun waqfet tagħti widen. Tkun waqfet saħansitra tisma’. Il-kliem kollu tal-kultura dominanti sempliċiment jgħaddi minn fuq rasha qisu ma jeżistix. Il-konvinċiment tas-subkultura hu marbut biss mal-aġir prattiku. Subkultura tgħix u tikber, għall-anqas fil-bidu, mingħajr teorija elaborata, mingħajr tfassil artifiċjali u bla rieda li tikkonvinċi lil ħadd.

Is-saħħa tas-subkulturi tiġi mill-fatt li dawn huma injorati għal kollox mill-amministraturi tal-kultura predominanti bħallikieku ma jeżistux. Dawn jittollerawhom għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor; jittollerawhom bit-tama li huma transizzjonali u li ma jdumux ma jintemmu fis-skiet bħalma bdew. Tabilħaqq, xi subkulturi hekk jiġrilhom; iżda mhux oħrajn. Oħrajn maż-żmien isiru r-regola.

Xi subkulturi fostna

Dawn il-proċessi soċjali kienu minn dejjem, jeżistu llum u jibqgħu jseħħu ’l quddiem. Hawnhekk tajjeb li nagħtu xi indikazzjonijiet ta’ subkulturi li hawn fostna u li jidher li huma aqwa minn ħafna oħrajn fis-sovversjoni tagħhom u fil-qawwa tal-persistenza tagħhom. Xi wħud minnhom għada pitgħada se jkunu responsabbli għall-bidla radikali fil-kultura predominanti li mdorrijin biha llum.

Insemmi l-ewwel ’l dawk l-għaxriet ta’ eluf li abbandunaw għal kollox il-Knisja Kattolika u t-twemmin/morali tagħha. Dawn sabu xi tip ta’ sostitut għall-biċċa l-kbira tal-prattiki reliġjużi tal-Knisja u prattikament jgħixu bħallikieku l-Knisja m’għadhiex teżisti iżjed.

Wara dawn, insemmi l-eluf li, għalkemm għadhom iqisu lilhom infushom Kattoliċi, ma jsegwux aktar xi preċetti uffiċjali tal-morali Kattolika u lanqas ma jħaddnu ċerti pożizzjonjiet uffiċjali tal-Knisja Kattolika. L-użu estensiv ta’ kontraċezzjoni artifiċjali, ir-rikors għall-abort, il-qbil mad-divorzju, l-approvazzjoni taż-żwiġijiet ‘gay’, l-impjiegi tan-nisa barra d-dar, is-sess regolari qabel iż-żwieġ, u ħwejjeġ bħal dawn, huma sinjali ċari ta’ din id-diżubbidjenza devjanti li saret kważi n-norma ma’ eluf ta’ Kattoliċi.

Insemmi wkoll il-prattiki sesswali ta’ għaxriet ta’ eluf ta’ żgħażagħ li ma jaqblu assolutament xejn mal-interpretazzjoni etika tal-kultura predominanti. Ukoll, l-użu mifrux u regolari tad-drogi, mhux biss f’imkejjen sekulari (bħal diskoteki u ‘parties’), iżda wkoll waqt, ngħidu aħna, l-attivitajiet popolari tal-festi reliġjużi li jsiru fit-toroq u l-pjazez tagħna.

Eżempji oħra li nista’ nsemmi huma s-subkulturi marbuta mal-prattiki etiċi (sesswali u mhux) tal-biċċa l-kbira tal-‘gays’, tal-koabitanti, ta’ nisa ħielsa minn irbitijiet matrimonjali, ta’ nies li ma jivvutaw qatt, ta’ nies li jinjoraw il-politika partiġġjana, u l-bqija.

Il-kisba sseħħ żgur

Meta tqis l-għadd relattivament kbir ta’ dawn l-eluf kollha, wieħed jista’ malajr isawwar idea ta’ x’tip ta’ sfida s-subkulturi joffru lill-kultura predominanti. Kull waħda bl-għamla tagħha, dawn is-subkulturi kollha―imqabbdin sew fis-soċjetà tagħna―qegħdin jagħmlu bidliet ta’ natura fundamentali u determinanti. Bil-kwiet, bil-mod il-mod, xi wħud minnhom (jekk mhux kollha) għandhom il-qawwa siekta u persistenti li jaqilbu l-miżien lejhom.

Dan ma jseħħx minn jum għal ieħor. Imma jseħħ żgur. Il-bidliet li dawn ir-‘rivoluzzjonijiet siekta’ jirnexxielhom jagħmlu fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika tagħna qajla jista’ wieħed jobsor x’jistgħu jkunu bl-eżatt. Xi bidliet jistgħu jidhru ovvji; oħrajn le.

Dak li hu ċert huwa li l-kisba tagħhom ma jista’ jrażżanha ħadd. Is-setgħa tal-kultura uffiċjali u ‘tradizzjonali’ m’għandha ebda saħħa quddiemhom. Bil-mod il-mod, għada pitgħada, ikollha bilfors tbaxxi rasha quddiemhom. Imbagħad jibda l-proċess ta’ subkulturi oħra.

Bħalma kienu jgħidu l-Latini: Consuetudo vincit communem legem.

TMIEM


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?