Għasafar ħajjin u mejtin

Il-battalja ta’ kull sena ma’ ċerti kaċċaturi u nassaba reġgħet bdiet. U bir-raġun kollu. L-isforz annwali biex jitħarsu l-liġijiet li jipproteġu diversi għasafar u biex issir għassa xierqa hu ammirevoli daqskemm diffiċli. Wieħed għandu japprezza l-ħidma li ssir f’dan il-qasam li, minkejja li ssir minn ftit, issir għall-kotra.

Pulizija imparzjali?

Il-pulizija jidher li din is-sena mhumiex qegħdin jagħtu l-massimu tagħhom biex il-protezzjoni tal-protetturi tkun xierqa. Donnu jidher li, bl-iskuża ta’ imparzjalità, il-Korp iddeċieda li jżomm lura milli, bħas-snin li għaddew, joffri l-kooperazzjoni kollha tiegħu ħalli titħares il-liġi.

Insejjaħ ir-raġuni mogħtija tal-imparzjalià bħala ‘skuża’ għax hi patetika fiha nnifisha. Li Korp tal-pulizija jistqarr li mhux qed joffri protezzjoni biżżejjed biex iżomm il-parzjalità bejn il-vittmi u l-aggressuri hija kważi illegali. Il-possibbiltà biss li jista’ jkun hemm vittma toħroq premura fuq il-forzi tal-ordni biex jaġixxu favur l-istess vittma. Dan hu dmirhom skont il-liġi.

Safejn naf jien, l-ewwel dmir tal-pulizija huwa li jrażżnu kull reat kriminali. Meta hemm il-possibbiltà qawwija li jseħħ reat bħal dan, il-pulizija għandhom id-dmir li jaġixxu sabiex javitaw xi tip ta’ vittimizzazzjoni. Fil-każ ta’ gruppi li jieħdu l-impenn li jissorveljaw il-ħarsien tal-liġijiet tal-kaċċa u l-insib din il-possibbiltà hija reali ħafna, kif turina l-esperjenza. U esperjenza l-pulizija għandhom kemm trid.

Gratitudni lejn il-protetturi

Allura x’inhu jonqos fin-nuqqas ta’ impenn li jidher li qegħdin juru l-pulizija din is-sena? Żgur mhijiex imparzjalità. Għax bid-deċiżjoni li ma joffrux protezzjoni biżżejjed lill-protetturi, jew li ma jikkooperawx biżżejjed magħhom, ċertament qed juru parzjalità favur il-possibbli u l-eventwali aggressuri. Dan jista’ jitqies ukoll, allaħaresqatt, li qed jipproteġu n-naħa żbaljata. Ilkoll nafu li l-pulizija mhumiex t’hekk.

Is-soċjetà għandha tkun enormement grata lejn nies li jieħdu fuqhom l-impenn li, a spejjeż tagħhom, jagħtu servizz importanti li jissorveljaw il-ħarsien tal-liġijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kaċċa u l-insib. Dan qegħdin jagħmluh f’isimna lkoll u, fuq kollox, għalina. Żgur li l-biċċa l-kbira din il-ħidma ma jistgħux jagħmluha. Il-minimu li nistgħu nagħmlu hu li nkunu grati minn qalbna lejn min jagħmlu minflokna u għalina.

Għaldaqstant, dan l-impenn għandu jsib is-sosten, l-appoġġ u l-kooperazzjoni sħiħa u assoluta tal-forzi tal-ordni li, wara kollox, jeżistu (bi flusna) biex iħarsu l-interessi legittimi tagħna. Il-pulizija m’għandhom ebda dritt legali li jiddeċiedu dan jagħmluhx jew le. Iridu jagħmluh għax hekk tistipula l-liġi.

Tama ta’ sigurtà

Il-problema tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa mhijiex se tissolva billi l-pulizija jagħmlu deċiżjonijiet arbitrarji fuq min se jipproteġu bl-azzjoni jew bl-inazzjoni tagħhom. Għalkemm kulħadd jaqbel li l-problema hija waħda delikata, ċertament inazzjoni jew azzjonijiet arbitarji min-naħa tal-forzi tal-ordni aktar ikomplu jikkumplikawha u jagħmluha diffiċli.

Mill-pulizija l-kotra tistenna ħarsien inekwivoku, ċar u deċiżiv. Hija sensazzjoni kerha li jiġri l-għajdut li l-pulizija jistgħu qegħdin jimmollaw fl-azzjoni tagħhom li jħarsu lil min, f’isimna u għalina, hu protettur ta’ ħlejjaq protetti.

Wieħed ikun jixtieq li l-ambigwità li nħolqot fil-ġimgħat li għaddew bin-nuqqas ta’ serjetà li jidher li biha l-pulizija organizzaw irwieħhom quddiem din is-sitwazzjoni titwitta kemm jista’ jkun malajr u mingħajr aktar ekwivoċi. Wieħed jittama li, f’dan il-qasam, il-pulizija jerġgħu jagħtu xhieda li nistgħu noqogħdu fuqhom u nserrħu rasna minnhom.


Comments

  1. Ghaziz Mark Montebello,jien dilettant tal KACCA,mhux ta l illegalitajiet.jiddispjacini nisimak tghid 'il problema tal kacca u l insib'.dawn iz zewg delizzjj mhumiex il problema.l problema hi ta erba min nies bla skruplu li jisparaw fuq li jaraw..sfortunatament hawn Malta ma kull haga ta xejn jehel kullhadd u ncapsu lil kull kaccatur bli jghamlu dawn l individwi.din il passa tar rebbiegha nassigurak li ftit ,kwazi xejn ma passa gamiem min fuq Malta u rajt ukoll li hafna kaccaturi imxew mal ligijiet.imma l hazin jissema biss.Arma f l idejn trid tkun responsabli taha u ta dak li tghamel biha.karrozza,sikkina...u l aktar arma b sahhita...l ILSIEN ta erba ma jafux jimxu li jhammgu lil kull bniedem li ma jaqblux mieghu.

    ReplyDelete
  2. Mark, jiena naf bic-cert li hemm ufficjali tal-ALE li jharsu l-interessi tal-kaccaturi u tan-nassaba qabel dawk tal-ghasafar jew tal-protetturi taghhom. Kieku ttiehdet azzjoni xierqa kull darba li sehh reat, kieku llum ghandna statistika ferm iktar inkwetanti minn dik li ghandna. Jiena ma nhobbx pero' niddistingwi bejn tajra legali u ohra llegali li tigi kkacjata. Huma lkoll holqien ta' Alla u ahna ghandna dritt iktar mill-istess kaccaturi li ngawduhom hajjin. Ninsabu fl-2014 u spicca zmien il-kacca. Il-kacca mhix delizzju izda zvog negattiv fil-forma ta' qtil ta' tajr innocenti.

    ReplyDelete
    Replies
    1. nahseb ma tikolx tiegieg fniek jew burgers.fuq pizella ghaddej

      Delete
  3. Jiddispjacini pero int tidher persuna min dawk li tghix go tunnel u tara min lenti wahda..tgawdi aktar mil kaccaturi..e tajjeb,dik tissejnah egoismu.haga ohra li int thares madwarek u tara ftit mil ftit sigar li hawn fil pajjiz ghid grazzi lil kaccaturi..kollox hlejqin t Alla...inkluza l kacca..giet mahluqa min Alla.mbad sta ghal bniedem kif juzaha...hallina pls trid,AHNA l bnedimin..hnieEr,fniek,tigieg,criev,zwiemel sahansitra f pajjizi anka klieb.u int gej tghid li lanqas ghasfur legalment jinqabad ma trid tara mejjet.jiddispjacini pero pjaneta ohra trid tmur biex ma tara xejn,isir

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?