Mumenti sinifikanti

Fil-ġimgħa li għaddiet, bir-riżultati tal-elezzjoni għall-parlament Ewropew, ħafna nies―telliefa daqskemm rebbieħa―ġew imġiegħla jiftakru f’mumenti partikularment sinfikanti ta’ ħajjithom, kemm sbieħ u kemm koroh. Għalkemm mhux kulħadd kellu l-okkażjoni għalfejn jiċċelebra, kulħadd kellu għalfejn jiftakar f’ċelebrazzjonijiet imgħoddija u forsi jobsor oħrajn li jistgħu jiġu. Il-fortuna rota u xi darba tmiss lill-Papa.

Il-ħsieb tiegħi kien kemxejn imwarrab mill-politika partiġġjana li tant timla’ l-ħsieb u l-ħin ta’ ħafna oħrajn. Mhux għax din mhijiex importanti iżda aktar mhuwiex passatemp li sar jiddevertini wisq. Interessanti kemm hu interessanti, dejjem nibqa’ narah bħala wieħed xi ftit jew wisq vizzjuż. Donnu joħloq eċċitament fejn mhuwiex floku.

Hu x’inhu, ħsibt f’mumenti sinifikanti oħrajn, kif il-lista li qeigħed inġib hawnhekk turi. Hija lista li, ovvjament, mhux neċessarjament irid jaqbel magħha kulħadd. Forsi xi wħud ma jaqblu magħha xejn, jew ma jaqblux mal-prijoritajiet li niżżilt fiha. Ma jinpurtax. Ikun forsi tajjeb li min ma togħġbux jipprova joħloq waħda għalih, jekk irid. Ikun taħriġ interessanti.


____________________________________

L-aktar 5 mumenti sbieħ tal-Knisja f’Malta

1. Dun Ġorġ Preca jiġi ddikjarat qaddis — 2007
2. Il-Knisja tibni l-ewwel ‘palazzi tal-ħaddiema’ ― 1954
3. L-ewwel żjara ta’ Papa f’Malta — 1990
4. It-tisħiħ tal-morali tal-poplu fi żmien il-gwerra — 1940–42
5. Il-50 istitut tal-karità f’Malta u Għawdex — Ħafna snin

L-aktar 5 mumenti xokkanti għall-Knisja f’Malta

1. It-telfa tar-referendum favur id-divorzju — 2011
2. Saċerdoti l-ħabs fuq abbuż ta’ minorenni — 2012
3. L-abolizzjoni tal-‘Privilegium Fori’ tal-Isqfijiet — 1974
4. Il-projbizzjoni li l-kleru jikkontesta elezzjonijiet politiċi — 1939
5. It-tneħħija tal-eżenzjoni tal-Knisja mit-taxxa — 1975

L-aktar 5 mumenti diżonorabbli tal-Knisja f’Malta

1. L-interdett lill-Eżekuttiv tal-MLP — 1961
2. Il-ġubilazzjoni għar-rebħa ta’ Franco fi Spanja — 1939
3. L-iskomunika ta’ Manwel Dimech — 1911
4. L-isponsorjar tal-emigrazzjoni tal-massa — 1944
5. Is-sottomissjoni taż-żwieġ ċivili għal-liġi kanonika — 1992
____________________________________


Jista’ jkun li għal kull taqsima li ħloqt fil-lista wieħed jista’ jżid aktar minn ħames mumenti. Jien illimitajit lili nnifsi għal dak li naħseb li huma l-aktar sinifikanti f’sens ta’ storja nazzjonali u anki f’sens ta’ ġrajja ta’ istituzzjoni partikulari. Il-mumenti magħżula jistgħu kollha b’xi mod jiġu kkwantifikati (u għalhekk viżibbli). Dan jeskludi oħrajn li mhumiex u li jsiru fil-moħbi, kemm dawk tajbin u kemm dawk anqas tajbin.

Il-mumenti sinifikanti fil-ħajja―kemm f’ta’ istituzzjoni u kemm f’tal-individwi―dejjem huma mfakkra fid-dawl li dak li aħna u ta’ dak li nitwebblu li nsiru. Huma parti minn ‘proġett’ li jibqa’ jikber u jinbidel mal-medda tas-snin. Iżda huwa proġett li, għall-anqas f’moħħna, jagħtina sens ta’ kontinwità kif ukoll sens ta’ identità. Aħna lkoll noħolqu lilna nfusna u nagħtu tifsir lil ħajjitna skont ma nobsru u noħolmu. L-imgħoddi nkejluh skont ir-riga tal-preżent u, forsi fuq kollox, skont it-tfassil għall-ġejjieni.

Dan jgħodd għall-individwi daqskemm għall-istituzzjonijiet. Jgħodd għall-istituzzjonijiet politiċi daqskemm għall-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi, kif ukoll għal istituzzjonijiet oħrajn. Sens ta’ kontinwità; sens ta’ identità — dawn huma essenzjali għal kull ri-invenzjoni tagħhom ilkoll. Dan hu meħtieġ għall-ħajja u għal kull vibrazzjoni tal-ħajja fi ħdanhom.

Min aħna? Fejn sejrin? Dawn huma dejjem l-aktar mistoqsijiet fundamentali li jeħtieġilna nagħmlu. Għalkemm, fil-fatt, mhux dejjem nagħmluhom. Dan b’detriment tagħna nfusna. Għax fejn mhemmx mistoqsijiet dwar il-ħajja, għall-anqas fost l-annimali razzjonali, mhemmx ħajja. Hemm forsi biss eżistenza li ma tafx għalfejn teżisti u, aktar importanti, għaliex għandha teżisti.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?