Sunday, 20 November 2016

Ikber ftit!

Ġieli tisma’ lil min jgħid lil ħaddieħor (nittama mhux lilek): “Ikber ftit! Qisek tifel żgħir!” jew “Qisek tifla żgħira!” Xi jkunu jridu jgħidu biha din il-kelma? Minkejja li ssib lil min jgħid kelma bħala din sempliċiment biex jitkessaħ, meta ssir b’mod sinċier fiha x’tomgħod. Jekk xi darba xi ħadd qalha lilek, tibża’ xejn. Għax kulħadd għandu xi ftit x’jikber, hu min hu.

Kulħadd jeħtieġlu jikber

Il-kelma ‘immaturità’ mhux dejjem tesprimi sewwa l-ħtieġa li xi ħadd jeħtieġlu jikber xi ftit. Immaturità aktar donnha trid turi li wieħed jew waħda baqgħu defiċjenti f’moħħhom (mentalment) jew f’qalbhom (affettivament). L-immaturità, meta hi ħaġa kronaka, ftit tista’ titjieb b’sempliċi għemil tar-rieda. Hi bħal difett li tista’ biss tgħattih, imma ma tistax tneħħih.

Meta ngħidu li bniedem jeħtieġlu jikber ftit ma nkunux qed ngħidu, eżattament, li hu bniedem immatur. Ma nkunux qed infissru li għandu bħal difett mentali jew affettiv li ma jistax jirbħu. Bil-maqlub. Il-fatt li nistednuh jikber ftit juri biċ-ċar li naraw fih il-possibbiltà ta’ titjib. Dan biss juri li l-bniedem mhuwiex imċappas bl-immaturità għal għomru.

Il-bniedem li jilqa’ l-istedina jew l-isfida biex jikber ftit għandu l-ħila jieħu deċiżjoni tar-rieda biex jagħmel xi ħaġa dwar l-għelt tiegħu. Kif diġà għedt, kulħadd jeħtieġlu jikber ftit ieħor, jew ukoll ħafna, milli hu. Fil-fatt, f’dan is-sens, kif se ngħid, il-ħtieġa li nikbru—inkluż jien—hi dejjem preżenti u dejjem meħtieġa.

Dak li naħsbu li aħna

Xi jfisser tikber ftit, jew tikber ftit ieħor? Hemm żewġ affarijiet li jżommuna milli jkollna l-kobor li jixirqilna. Waħda għandha x’taqsam ma’ dak li naħsbu dwarna nfusna. L-oħra hi dwar dak li rridu nkunu. Ħa nfissirhom waħda waħda fil-qosor.

L-ewwel waħda hi dwar l-impressjoni li jkollna tagħna nfusna. Kulħadd għandu impressjoni tiegħu nnifsu, u ħadd ma jista’ jevita ħaġa bħal din. Imma xi kultant, dak li naħsbu li aħna jkun jew iċken milli fil-fatt aħna jew akbar. Hawn min iċekken lilu nnifsu b’tali mod li qisu dejjem f’qoxortu, u hawn min ikabbar lil nnifsu qisu dejjem xi gran alla jew xi professur tal-beżqa.

La l-waħda u lanqas l-oħra ma jixirqu lil dak li jkun, għax it-tnejn ikunu gidba; it-tnejn irrealistiċi. Ma jgħodd xejn x’taħseb li int. L-impressjoni tiegħek innifsek, meta ma taqbilx mar-realtà, tgħodd biss biex turi li personalment għadek trid tikber.

Xi ftit jew wisq, kulħadd ikollu xi impressjoni falza tiegħu nnifsu. Jew aħjar, hu rari ħafna li ssib ’il min għandu impressjoni eżatta tiegħu nnifsu.

Dak li rridu nkunu

It-tieni ħaġa hi dwar dak li rridu nkunu, jiġifieri dak li nafu li ma lħaqniex imma li rridu nilħqu. Xi wħud jagħmlu ħajjithom kollha jipprovaw jilħqu dak li ma jistgħux, u dan possibbilment fuq kull livell ta’ ħajjithom u tal-personalità tagħhom. Dak li trid hu dejjem fil-ġejjieni. Hu l-preżent li jgħodd.

Kulħadd għandu ambizzjonijiet mhux mitmuma. Iżda mhux ta’ kulħadd ikunu irrealistiċi, bombastiċi jew impossibbli. Hu tajjeb li jkollok l-ambizzjonijiet ... iżda bil-qies. Bniedem li ma jgħixx fil-preżent, la għandu imgħoddi u lanqas ġejjieni. Jgħix f’realtà fantastika li la tixraqlu u lanqas tkabbru.

Fi ftit kliem, ‘ikber ftit’ tfisser: tippretendix li int dak li m’intix jew li ma tista’ qatt tkun. Aċċetta min int kif int. Fi kliem ieħor: aċċetta l-limitazzjonijiet tiegħek.

Hija l-isbaħ ħaġa fid-dinja li tkun u taċċetta lilek innifsek kif int.

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever