It-tagħlim soċjalista

Niddubita jekk f’pajjiżna għadx fadal post wieħed, fil-Partit Laburista jew barra minnu, fejn il-pubbliku jista’ jikseb it-tagħlim soċjalista. Dan in-nuqqas ilu s-snin, jekk mhu ukoll l-għexieren ta’ snin, u donnu ftit huma dawk li jħossuh jew jixtiequh mod ieħor. Dan jista’ jkun ta’ ħsara kbira għall-ġejjieni daqskemm hu ta’ ħsara għall-preżenti.

L-analiżi politika

Soċjaliżmu u tagħlim imorru flimkien. Dejjem, mill-bidu nett, is-soċjalisti fehmu l-eżistenza tagħhom bħala waħda li biċċa kbira minnha hi informattiva. Tagħlim mhux bilfors ifisser universitajiet, skejjel u ċertifikati. Jekk mhux dawn, żgur li jfisser il-mogħdija tat-tagħrif. Is-soċjalisti minn dejjem kienu nies li jitgħallmu u jgħallmu minn u lil xulxin.

Dan hu naturali għalihom għax is-soċjalisti huma nies li għandhom il-ħila jaqraw ir-realtajiet tagħhom infushom u ta’ madwarhom b’għodod politiċi. Dal-għodod janalizzaw ir-realtajiet sabiex jiskopru fihom il-kontenut politiku, jiġifieri n-nisġiet li bihom kull ħaġa li hi magħmula mill-bnedmin torbot ma’ kull ħaġa oħra.

L-analiżi politika hi s-sigriet li biha s-soċjalisti jibqgħu jiskopru l-forom t’oppressjoni li bihom dawk li huma b’saħħithom jipprovaw jaħkmu u jgħakksu liż-żgħar. Mingħajr dil-analiżi, is-soċjalisti huma għomja, u saħansitra jistgħu jsiru parti mill-istrutturi t’oppressjoni li huma maħlufin li jiġġieldu.

Il-jasar tan-nuqqas

Dan nafuh ukoll f’Malta u Għawdex. Il-moviment soċjalista li kien beda fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, bejn iż-żewġ gwerer dinjija, kien jara l-missjoni edukattriċi tiegħu bħala parti mill-iskop għall-eżistenza tiegħu. Dal-moviment ried jagħti għajnejn politiċi lin-nies, lill-ħaddiem, lin-nisa, liż-żgħażagħ, għax riedhom jiftħu għajnejhom għal min kien qiegħed jisfruttahom.

Kien b’tagħlim bħal dan li l-moviment soċjalista seħħlu jagħmel ħafna ġid fil-Gżejjer Maltin. Mingħajr it-tagħlim, jiġifieri mingħajr ma għallem lin-nies x’jiġifieri drittijiet u dinjità u kburija u rispett, ma setax joħloq il-bniedem il-ġdid li b’għajejn imġedda jħares lejn ir-realtajiet tiegħu nnifsu u ta’ madwaru bl-istar tal-ħelsien.

Bniedem mhux mgħallem hu bniedem imjassar u miftuħ għal kull jasar ta’ ħaddieħor. Huwa l-bniedem mgħallem li jista’ jkun politikament matur u li jista’ jagħti lil pajjiżi l-aqwa sehem għall-ġid ta’ kulħadd. Bniedem mhux mgħallem ma jistax iżomm lil pajjiżu milli jaqa’ fl-oppressjoni.

Il-futur garantit

Id-dmir tas-soċjalisti li jgħallmu għadu jgħodd illum ukoll. M’għandna ebda garanzija li l-kisbiet tal-poplu Malti u Għawdxi tal-imgħoddi se jibqgħu għal dejjem MINGĦAJR ma aħna lkoll, speċjalment il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, ma nieħdu ħsiebhom, inħarsuhom, nindukrawhom u nġedduhom. Ċittadini mingħajr tagħlim huma nies żarmati għal kull saram, għawġ u hemm li jiġi fuqhom bil-malizja tal-bnedmin.

Ħafna mill-imsieħba fil-faxxa anzjana tal-Partit Laburista huma nies mgħallma għax għexu fi żmien meta t-tagħlim soċjalista fil-partit kien jingħata mhux biss importanza kbira imma saħansitra prijorità. Dan għax kien magħruf sew li t-tagħlim politiku kien il-muftieħ tal-jeddijiet umani, tal-iżvilupp ekonomiku u tal-ħelsien kostituzzjoni.

Dan kollu, però, donnu li m’għadux jitħaddan. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ tal-partit ma jidhirx li qegħdin jiġu mgħallma biżżejjed fl-għodod li jiggarantixxu l-ħarsien tal-liberatjiet, id-dinjitajiet u d-drittijiet tagħna. Donnu llum m’għadux jinħass il-bżonn fil-partit li l-imsieħba tiegħu jitgħallmu l-għodod tal-analiżi politika.

Għandu mnejn li dan hu żball kbir għax, mingħajr ma wieħed jintebaħ malajr, isib li l-sisien ta’ taħtu qegħdin jitmermru. Ebda partit jew moviment ta’ tnebbiħ soċjalista ma jista’ jissejjaħ tali jekk jinsa jew jittraskura l-missjoni edukatriċi tiegħu. Din il-missjoni trid terġa’ tittieħed bis-serjetà u tingħata qawmien mill-ġdid.

Soċjalisti mingħajr tagħlim m’hemmx futur għalihom.

https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?