It-traġedja ta’ Gaza

Dak li ġara għal dawn l-aħħar ġimgħatejn f’Gaza hu traġedja umana għal kulħadd. La hi l-unika traġedja fid-dinja llum, la l-akbar waħda u lanqas l-aktar imtawla. Però, aktarx hija l-aktar waħda rrappurtata. Kull traġedja umana hija soppa ta’ dulur, passjonijiet u sentimenti. Quddiemhom wieħed jista’ biss jintafa’ f’għoġba għall-miżerja umana, imma wkoll isaħħaħ il-ħrara fraġli f’dinja isbaħ għal kulħadd. 44 traġedja dinjija Skont il-‘Programm ta’ Tagħrif dwar il-Konflitti Dinjija’ (UCDP) tal-Università ta’ Uppsala, l-Iżvezja, fid-dinja llum hawn 13-il traġedja għaddejja bla waqfien fuq skala qerrieda agħar minn dik ta’ Gaza. Fost dawn hemm dik fil-Libja, il-ġara tagħna. Il-ġurnalisti ftit jagħtu kashom; il-biċċa l-kbira minnhom qishom ma jeżistux. Minbarra fil-Libja, dawn it-traġedji mdemma jinsabu f’Burma, il-Kolumbja, l-Afganistan, is-Somalja, il-Jemen, il-Pakistan, il-Messiku, is-Sudan, is-Sirja, l-Iraq u l-Mali. Fihom imutu għexieren ta’ eluf ta’ nies kull sena, ħafna minnh...