Posts

Showing posts from April, 2015

Diżarm?

Image
Ħafna minna jgħixu taħt l-illużjoni li żmienna hu wieħed ta’ diżarm. Speċjalment wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin u d-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Sovjetika. Iżda din l-illużjoni hi giddieba daqskemm qarrieqa. Forsi ntemm dak iż-żmien meta l-armamenti militari u l-mezzi ta’ qerda tal-massa kienu f’idejn żewġ blokok biss—il-pajjiżi tan-NATO u tal-Patt ta’ Varsavja—imma l-armamenti ma naqsux. Wisq anqas intemmu. Illum qegħdin ngħixu fi żmien meta rġajna qegħdin naraw bosta pajjiżi jerġgħu jarmaw sa snienhom is-setgħa distruttiva tagħhom. L-akbar xerrejja Wieħed mill-aħħar pajjiżi li beda jitqies parti mill-grupp tal-akbar qawwiet militari fid-dinja aktarx ma nistennewhx jieħu din il-pożizzjoni. Huwa l-Awstralja. Pajjiż li ftit minna jaħsbu fih bħala pajjiż ta’ gwerra jew xi pajjiż b’intenzjonijiet militari jew ambizzjonijiet ta’ qerda. Jekk jaħsbu hekk, allura iridu jerġgħu jirrevedu l-ħsieb tagħhom. Informazzjoni mxandra f’Marzu li għadda mill-Istitut Internazzjonali ta’ Stokkolm

Armata militari ġdida

Image
Tliet ġimgħat ilu, ġrat ħaġa li aktarx ma ngħatatx l-attenzjoni li tabilħaqq jixirqilha; ġrajja ta’ sinfikat konsiderevoli li jista’ jkollha effetti kbar ’il quddiem. Hija d-deċiżjoni li titwaqqaf armata militari ġdida: l-armata tat-22 pajjiż tal-Lega Għarbija. Qatt qabel ma ġie deċiż li titwaqqaf armata bħal din. L-impatt tagħha jista’ jbiddel għal dejjem il-‘logħba’ politika tad-dinja. Deċiżjoni storika Id-deċiżjoni ttieħdet lejn tmiem l-10 Laqgħa Għolja ta’ Emerġenza bejn il-mexxejja Għarab fil-belt ta’ Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, fid-29 ta’ Marzu li għadda. Il-pajjiżi msieħba fil-Lega Għarbija jgħoddu bejniethom aktar minn 356 miljun ruħ. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Al-Arabiya, id-dettalji dwar kif se tiġi msawra din l-armata giġanteska u kif se tiġi ffinanzjata għandhom jinħaddmu fil-xhur li ġejjin. L-iskop ewlieni tal-armata għandu jkun li tħares lill-pajjiżi msieħba mit-theddid ta’ sigurtà fit-territorji tagħhom. Kulma hu magħruf s’issa

Ħelsien ‘minn ġewwa’

Image
Fil-filosofija politika spiss tiġi diskussa l-preċedenza ta’ għamliet differenti ta’ ħelsien: personali, kollettiv, politiku, ekonomiku u l-bqija. Imma mistoqsija persistenti tikkonċerna l-pre-rekwiżiti tal-ħelsien; ta’ kull ħelsien. Jiġifieri: Biex wieħed jew uħud ikunu ħielsa x’inhu li jrid ikollhom? Biex inpoġġiha aktar sempliċi, il-mistoqsija tista’ tieħu din is-sura: X’jiġi l-ewwel, il-ħelsien ‘minn barra’ jew il-ħelsien ‘minn ġewwa’? Jew aħjar: Jista’ bniedem ikun ħieles politikament jew ekonomikament (‘minn barra’, biex ngħidu hekk) qabel ma jkun ħieles mentalment (‘minn ġewwa’)? Ħelsien mentali Meta ngħid ‘ħelsien minn ġewwa’ nifhem li bniedem ikun kiseb qtugħ mentali minn dawk l-influwenzi u interpretazzjoni li jżommuh imjassar jew dipendenti ta’ ħaddieħor. B’ħelsien bħal dan, bniedem jiddefinixxi hu stess min hu, x’jikkostitwixxi l-ferħ tiegħu u x’ġejjieni jrid ikollu. Dan il-ħelsien mentali mhuwiex maqtugħ mill-ħelsien affettiv. Il-bniedem iħobb jew jorbot qalbu ma’

IL-KIBXA TAL-QRATI

Image
Jaħasra, nibqa’ niltaqa’ ma’ nies li jgergru għaliex mhumiex qegħdin jieħdu ġustizzja mill-qrati! Igergru li dan u dak gidbu taħt ġurament! Li dan l-avukat jew l-ieħor ġab il-boċċa qrib il-likk kif ried u kif għoġbu! Li l-pulizija gerfxu kemm felħu! Jaħasra, mitqlu deheb jiswa l-għajdut tal-Malti li jgħid: ‘Tidħolx il-qorti jekk għandek raġun!’ Tabilħaqq. Mhux għax il-maġistrati u l-imħallfin ibażwru kif ifettlilhom. Mhux għax l-avukati jagħmlu biss għal bwiethom. Mhux għax il-pulizija għandhom moħħhom ħafif. Mhux għax in-nies qarrieqa. Mhux għal dawn ir-raġunijiet, ukoll jekk xi kultant ikunu minnhom, jiddiżappuntaw il-qrati. Il-qrati jiddiżappuntaw għaliex il-biċċa l-kbira tan-nies jibqgħu jippretendu li jiksbu mingħandhom dak li l-qrati ma jistgħux jagħtu. Ifhem dan u daħħlu f’moħħok darba għal dejjem: il-proċess ġudizzjarju tal-qrati m’għandu xejn x’jaqsam ma’ ġustizzja; m’għandu xejn x’jaqsam mal-verità; m’għandu xejn x’jaqsam ma’ min għandu raġun. Il-proċess ġudizzjarju t

Żewġ kelmiet

Image
Żewġ kelmiet li wieħed jisma’ ta’ spiss meta jkun hemm tnejn jew aktar jargumentaw jew jilletikaw huma ‘giddieb’ u ‘miġnun’ (jew l-ekwivalenti feminili tagħhom). Huma żewġ kelmiet li, milli jidher, jingħadu b’ħeffa daqskemm b’nuqqas ta’ wisq ħsieb. Mhumiex kliem sbieħ, it-tnejn li huma, iżda jistgħu juru xi ħaġa dwar l-għamla li biha biċċa kbira tal-Maltin u l-Għawdxin jaħsbu. Il-verità x’inhi? Bosta minna jidhrilhom li għandhom il-verità . Jitħaddtu b’ċertezza assoluta, jiġġudikaw b’asserzjoni indubitata u jippronunzjaw irwieħhom b’dommatiżmu inkondizzjonat. Il-biċċa l-kbira tagħna jippontifikaw mhux jiddjalogaw; jagħmlu stqarrijiet mhux juru fehemthom; jiddikjaraw mhux jiddiskutu. Din l-attitudni aktarx tiġi mill-impressjoni li ħafna minna għandna li, la darba għandi fehma, dik il-fehma hi waħda vera , u ebda dubju ma għandna tagħha. Ma jaqgħalniex f’rasna li tnejn li ma jkunux qed jaqblu dwar xi ħaġa, it-tnejn jistgħu jkunu żbaljati. Jew anki li t-tnejn jista’ jkollhom raġu