Posts

Showing posts from January, 2021

Il-fanatiżmu reliġjuż

Image
Il-fanatiżmu reliġjuż mhuwiex reliġjon; wisq anqas spiritwalità. Bil-kontra, hu perverżjoni tar-reliġjon. Hawn ħafna fanatiċi reliġjużi fil-Gżejjer Maltin li jippożaw ta’ reliġjużi. Dawn huma parodija tar-reliġjon u l-Knisja. Il-fanatiżmu reliġjuż ħsara biss jagħmel; qatt ġid. Sinjali ta’ saħħa Is-saħħa ta’ Knisja tingħaraf mis-sinjali ta’ qdusija fi ħdanha. Hawnhekk mhuwiex il-lok fejn nidħol f’dettall ta’ x’inhuma das-sinjali. Ngħid biss li, meta jkunu ġenwini, jagħtu xhieda tal-għaqda u l-qrubija tal-erwieħ mad-divin. Huwa biss f’dawn is-sinjali, u f’ebda manifestazzjoni oħra reliġjuża, li Knisja jew komunità lokali tingħaraf għal dak li hi. Dawn is-sinjali huma rari fil-Knisja tal-Gżejjer Maltin. Ma ngħidx li ma jeżistu xejn; għax irrid inkun preżuntuż biex ngħid hekk. Imma ftit rajt minnhom, jekk irrid inkun onest. Minflok, rajt u nibqa’ nara ħafna romantiċiżmu, ħafna sentimentaliżmu, ħafna reliġjożità, ħafna moraliżmu, ħafna spiritwaliżmu, u wkoll ħafna fanatiċiżmu ... imma

Il-fissazzjoni politika

Image
Il-fissazzjoni politika mhijiex politika. Il-fissazzjoni politika hi marda. Hi marda psikoloġika li, minflok ma tgħin il-proċessi demokratiċi, tnassashom u timminahom. Ħafna nies fostna għandhom din il-marda, li d-duwa tagħha hija b’xejn għal kulħadd. Qanpiena waħda Għadek issib nies illum, aktarx ta’ età daqsxejn avvanzata, iffissati bil-politika b’mod inkwetanti. Kulma jinteressahom hija biss il-politika. Kulma jafu jitkellmu fuqu huwa biss il-politika. Kulma jistudja hija biss il-politika. Kulma jinjormaw ruħhom biha hija biss il-politika. Dan nies minn filgħodu sa filgħaxija NET, NET, NET jew ONE, ONE, ONE. Jafu biss b’lewn wieħed biss: blu jew aħmar; m’hemm ebda skala ta’ lwien f’ħajjithom. Dejjem jisimgħu daqqa waħda, dik tal-partit tagħhom; u dejjem jirrepetu dak li jisimgħu. Moħħhom jaħdem biss fuq mewġa ta’ ħoss wieħed. Il-monotonija għamlu minnha opra artistika u xjenza. Dan-nies iffissati bil-politika jaqsmu n-nies li jafu jew jiltaqgħu magħhom skont il-partit, li ke

Il-miraklu ta’ fuq rasna

Image
Waħda mid-delizzji tiegħi hija li nsegwi mill-qrib l-istazzjon spazjali internazzjonali (l-ISI) fuq l-Internet. Dan jaffaxxinani mhux biss għat-teknoloġija u x-xjenza involuta, imma wkoll, forsi aktar, għall-kollaborazzjoni mid-dinja kollha li jsir f’dan l-istazzjon. Kull ġimgħa f’din is-satellita artifiċjali grupp ta’ nies differenti ħafna minn xulxin jaħdmu għaleniija fuq il-fruntiera l-aktar imbiegħda tal-umanità. Dan hu miraklu ta’ kuljum. L-istazzjon L-ISI ilu jiffunzjona sa mis-sena 2000 u bniedem jista’ jsegwih fuq l-Internet minn diversi siti fosthom dik tan-NASA. Permezz ta’ trattati u ftehimijiet intergovernattivi, il-proġett multinazzjonali jinvolvi l-kollaborazzjoni attiva u kontinwa ta’ ħames aġenziji spazzjali, jiġifieri dawk tal-Istati Uniti tal-Amerika (NASA), tar-Russja (Roscosmos), tal-Ġappun (JAXA), tal-Ewropa (ESA) u tal-Kanada (CSA). Kull ġimgħa jkun hemm fuq l-istazzjon madwar seba’ persuni jaħdmu flimkien fuq diversi opri ta’ riċerka fl-astrobijoloġija, l-a

X’ġimgħa għad-demokrazija!

Image
X’ġimgħa kienet din għall-paġni tad-demokrazija! It-Tnejn li għadda ġie deċiż li Assange ma jiġix estradit lejn l-Istati Uniti, u l-Ħamis ta’ wara l-“Capitol” Amerikan ġie invadut mill-massa. Daż-żewġ avvenimenti, hekk fi spazju ta’ tliet ijiem, qishom jiddefinixxu d-demokrazija kif inhi mħaddma fid-dinja llum. Bil-mod tagħhom, kull waħda minnhom huma sbieħ daqskemm huma koroh. Julian Assange Nibdew b’dak li ġara fl-Ingilterra t-Tnejn li għadda meta qorti Britannika ddeċidiet li Julian Assange ma jiġix estradit lejn l-Amerika. Assange huwa l-fundatur ta’ Wikileaks, organizzazzjoni li kixfet eluf ta’ dokumenti li ħafna gvernijiet tad-dinja, inkuż tagħna, ippreferew li jibqgħu għal dejjem mistura u minsija. Assange, ġurnalista Awstraljan ta’ madwar 50 sena, kien akkużat mill-Amerika li kiser il-liġi tal-espjunaġġ, u tridu bil-qawwa jgħaddi ġuri u jmur il-ħabs għal għomru. Wara li għadda l-isbaħ seba’ snin imtarraf fl-ambaxxata Ekwadorjana ta’ Londra, huwa ġie arrestat mill-pulizija

Responsabbiltà politika

Image
Bħal daż-żmien sena konna għaddejjin minn tempesta sħiħa fuq ir-responsabbiltà politika. Tempesti jew mhux, dit-tema hi dejjem waħda t’importanza kapitali għal pajjiż demokratiku. Madanakollu, ħafna drabi din l-għamla ta’ responsabbiltà hija mifhuma b’legalistiku ħafna. Hemm mod aktar morali ta’ kif għandha tinftiehem, u jidhirli li din hi l-aktar importanti. Fit-teorija Gvern responsabbli jfisser għal ħafna li kull qaddej ċivili irid legalment iwieġeb għall-azzjonijiet tiegħu quddiem awtorità akbar fl-istess gvern. L-ogħla awtorità hija l-kostituzzjoni, li għaliha jwieġeb il-president. Din il-fehma legali hija biżżejjed għal ħafna. F’demokrazija ma naħsibx li hi, però. Il-funzjonarji tal-gvern ċivili f’uffiċċji ta’ awtorità, ukoll dawk li mhumiex eletti mill-poplu (li huma l-biċċa l-kbira), xorta waħda huma responsabbli għall-poplu. Jekk huma jwieġbu għal għemilhom lill-ministru, u l-ministru lill-prim ministru, u l-prim ministru lill-president, dawn kollha għandhom obligu moral