Posts

Showing posts from July, 2020

Nies differenti u ġawhar oħra

Image
Kemm nies jitwarrbu minħabba li ħaddieħor jarhom differenti! Kemm nies jitwarrbu għax jaraw lilhom infushom differenti! Id-differenza mhijiex diżunur. Is-sbuħija tad-differenza hija unika. Minħabba fiha ħadd m’għandu jħossu ikreh jew mistmerr. X’ħasra meta jiġri hekk! Xi dnub! Ħafna drabi huma mill-isbaħ in-nies li huma differenti! Aktarx huma ta’ min jgħożżhom aktar minn oħrajn. Ħafna raġunijiet Xi nies huma differenti minn ħaddieħor għax ma jimxux mad-drawwiet u l-gosti tal-biċċa l-kbira tan-nies ta’ madwarhom. Dan-nies jaqtgħu trejqa għalihom. Għandhom il-gosti tagħhom. Għandhom id-drawwiet tagħhom. Aktarx ma jħobbux dawk l-affarijiet li jagħtu pjaċir lill-massa. Ħafna minnhom ma jogħġobhomx dik il-moda li togħġob lill-bqija tan-nies. Jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet li jagħmlu lil xi wħud differenti minn ħaddieħor. Ma nsemmi xejn għax jistgħu jkunu minn kollox. Madanakollu, huma x’inhuma dar-raġunijiet aktarx dejjem jgħalqu lill-persuna fiha nnifisha jew iġġegħluha tgħix f’dinja t

Ut unum sint

Image
L-arkivji jżommu fi ħdanhom il-wirt tan-nazzjon. Huma l-imħażen tat-tifkiriet, il-ġabra tal-memorja nazzjonali. Madanakollu, fil-Gżejjer Maltin l-arkivji huma mifruxin u sparpaljati b’tali mod li bejniethom m’hemmx la ekonomija ta’ spazju u riżorsi, u wisq anqas koordinament. Xi darba, l-arkivji kollha, partikularment tal-Gżejjer Maltin, għad iridu jsiru ħaġa waħda. Il-ħafna arkivji mifruxin “Ut unum sint” hija espressjoni bil-Latin li tfisser “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Dan nistgħu ngħiduh għall-ħafna arkivji li għandna mifruxin f’Malta u Għawdex. Għal min mhuwiex midħla tal-arkivji, la pubbliċi u lanqas privati, jista’ jkun jaf li dawn huma mħażen mimlijin karti. Dal-karti huma dokumenti, ħafna minnhom manuskritti, jiġifieri miktubin bl-idejn, li huma uniċi, storiċi u imprezzabbli. L-arkivji li għandna fil-Gżejjer Maltin iżommu dokumenti li jmorru lura mijiet ta’ snin. Dad-dokumenti jirreġistraw l-imgħoddi kollu tagħna fl-irquqijiet u d-dettalji kollha tiegħu. Min jistudja dad

L-iskandlu tal-kirjiet

Image
Ma tgħaddix ġimgħa, u xi kultant lanqas jumejn, mingħajr ma nisma’ minn fomm l-imġarrab il-weġgħat ta’ min qed jinfena bil-kera li jħallas jew tħallas. Xi wħud, bir-rati m’ogħla s-sema tal-kirjiet li qed iżommu, donnhom m’għandhom ebda skruplu, u jkomplu jagħmlu li qed jagħmlu aktarx mingħajr tingis tal-kuxjenza. Dawn għandhom ikunu jafu li l-għemil tagħhom hu immorali, u jammonta għal dnub. Immoralità Għalkemm kien hemm xi drabi meta l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika qalu xi kelma ta’ malajr fuq l-immoralità ta’ kirjiet esaġerati jew saħansitra esuberanti, ma jidhirlix li hi xi prattika regolari li l-isqfijiet jew is-saċerdoti jitkellmu fuq dan. M’għandniex għalfejn ngħidu li, fit-tagħlim soċjali Kattoliku, huwa espressament stabbilit li kirjiet għoljin wisq jikkostitwixxu dnub, u l-insara huma moralment obligati li jieqfu jagħmluh. Dan donnu ma jgħodd xejn f’Malta u Għawdex. Waqt li eluf ta’ nies qed jiġu magħsura l-ħin kollu b’kirjiet ta’ sitt mija, seba’ mija, tmien mija u

Il-barka tat-taħlit razzjali

Image
Il-bniedem, sa mill-ibgħad żminijiet, dejjem ivvjaġġa. Il-ħruġ tiegħu mill-Afrika, biex infirex mad-dinja kollha, ġie minn dil-kilba dejjiema li jiċċaqlaq, jimxi, ifittex u jitħallat. Bħalma fid-dinja hekkda fil-gżejjer tagħna, il-bniedem hu magħmul minn taħlita ta’ razzez. Min jiċħad dan ikun jiċħad l-istorja tiegħu. Preġudizzji Ġieli ssib lil min jgħid li l-hemm tal-pajjiżi u s-soċjetajiet huwa t-taħlit tar-razzez. Skont il-biċċa l-kbira tagħhom, anqas ma jitħalltu n-nies li jkunu ġejjin minn razzez differenti, aħjar. Jgħidulek li, jekk kull razza żżomm għaliha, tkun fis-sod; jekk titħallat, tibda l-qerda tagħha. Meta jgħidu hekk, dawn in-nies, jaħasra, jinsew l-aktar ħaġa bażika tal-ġeneaoloġija. Jinsew li aħna lkoll razza waħda, magħmula minn taħlit u tibdil mifrux fuq sekli; li m’hawn imkien ebda razza safja; li kull razza hija fi stat ta’ taħrik u tibdil. Dan għandu jwassalna biex ngħidu li t-taħlit tar-razzez hija, mhux biss tajba, imma wkoll ta’ saħħa għall-bniedem. Akt

Id-dnewwa ta’ Hong Kong

Image
Fil-ġimgħatejn li għaddew, iċ-Ċina reġgħet issikkat il-ħolqa m’għonq Hong Kong. Bejn il-garanziji tal-imgħoddi u l-wegħdiet fiergħa, il-jeddijiet ċivili reġgħu ġew taħt l-attenzjoni għajjura ta’ Beijing. It-toroq reġgħu qed jimtlew protestanti, il-biċċa l-kbira żgħażagħ, u l-komunità internazzjonali qed twissi ċ-Ċina bil-kbir. Kollox però juri li l-bidliet legali l-ġodda se jibqgħu fis-seħħ ... għall-anqas għalissa. Bidliet oppressivi Il-bidliet li ddeċieda fuqhom Beijing ħolqu f’Hong Kong aġenzija ta’ sigurtà ġdida. Il-liġi tas-“Sigurtà Nazzjonali ta’ Hong Kong” li se tidħol fis-seħħ dalwaqt tagħti s-setgħa lil uffiċċjali magħżula minn Beijing u suġġetti biss għal Beijing li jaħtru mħallfin għal każijiet ta’ sigurtà. Dan ifisser li ċ-Ċina qed tagħfas idejha proprju fejn jinħass hu l-aktar sensittiv. Dil-bidla li ddeċieda fuqu Beijing ġiet wara ġimgħat ta’ protesti f’Hong Kong. Aħna hawn Malta bil-kemm nisimgħu b’dawn l-istejjer jekk mhux bħala xi ħaġa li qisha qed isseħħ fuq in-