Is-sena tal-kontijiet
Telgħet saflaħħar ix-xemx fuq is-sena li fiha se jsiru ħafna kontijiet. Is-sena li għaddiet ħalliet ħafna affarijiet pendenti u miftuħa. Dis-sena jridu jingħalqu. F’ġimgħatejn oħra, mhux biss il-Partit Laburista jkollu ‘leader’ ġdid, imma l-pajjiż ikollu Prim Ministru ġdid. Dan se jibda jagħlaq il-kontijiet. Dan se jibda jrodd l-istabbilità li lkoll nixtiequ naraw. Il-partit Qabel xejn, la darba qed nitkellmu f’din il-gazzetta, jidhirli li jrid jingħad li l-istabbilità trid tibda tinħass l-ewwel nett fil-Partit Laburista. Ma jidhirlix li l-partit hu mifrud. Imma għadda minn esperjenza trawmatika li jeħtieġ jirkupra minnha. Xi wħud firdu lilhom infushom mill-partit, jew aħjar minn min jirrappreżentah, u issa, għandi nifhem, huma anzjużi biex jerġgħu jirritornaw. Oħrajn, għalkemm mhux maqtugħin, ħassewhom maħsudin u xxokkjati. Dan-nies kollha, ilkoll Laburisti, m’għandix dubju li jridu jħossuhom għal darb’oħra komdi fil-partit li jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet nazzjonali tagħh...