Posts

Showing posts from January, 2016

Battibekki politiċi

Image
Kemm idejquni l-battibekki li jinqabdu fihom il-politiċi donnhom mingħajr ma jridu! Spiss ikolli l-impressjoni li dawn iparlaw ħafna għax jiġu mġiegħla jgħidu xi ħaġa mingħajr m’għandhom. Iżda l-agħar suspett li għandi hija li dal-battibekki mhumiex aħjar mill-inkejja tat-tfal. It-traġedja tal-involviment Bosta politiċi jitħaddtu għax dak hu xogħolhom. Oħrajn jitpastsu għax dik tkun l-għażla tagħhom. Sa ċertu punt, dan biċċa tagħhom. Il-politika, għallanqas kif nifhmuha u nipprattikawha aħna, tinvolvi dawn l-oqsma u politiku donnu mhux hu jekk ma jbewwaqx fommu u jitfa’ nifs impaċpaċ. Il-ħmerija hi li jinvolvu lilna. Jew għallanqas jippruvaw. U xi wħud minna ma jirreżistux it-tentazzjoni kerha li jagħtu widen. Imbierek hu min jagħmilha tat-trux! Ħafna mhux hekk. Ħafna jsegwu l-battibekki tal-politiċi b’attenzjoni esaġerata u saħansitra jisimgħu x’għandhom xi jgħidu (jew x’m’għandhomx). Jaqgħu għat-tentazzjoni minħabba l-kurżità, iżda l-kurżità tagħhom iġġegħilhom jiftħu widnejh

L-aħħar att ta’ Obama

Image
Ġimgħa u nofs ilu, fit-12 tax-xahar, il-President tal-Istati Magħquda tal-Amerika, Barak Obama, ta diskors lill-Kungress Amerikan imsejjaħ il-‘Qagħda tan-Nazzjon’. Kien it-tmien wieħed tieħu ... iżda wkoll l-aħħar. Għaddew bħal ħolma s-snin tiegħu f’ras il-gvern ta’ dak il-pajjiż kbir u sabiħ, iżda wkoll is-snin li għaddew minn mindu, fl-2004, beda t-triq tal-għaġeb tiegħu fix-xena ewlenija tad-dinja politika. Bidu tat-tmiem Dan ta’ ftit jiem ilu kien l-aħħar att uffiċjali tiegħu quddiem il-Kungress tal-Istati Magħquda, rappreżentanti tal-poplu Amerikan. Bil-mod il-mod, is-separju ta’ Obama se jibda nieżel, sakemm f’Novembru li ġej jiġi magħżul is-suċċessur tiegħu, imbagħad bħal daż-żmien sena jidħol fid-Dar il-Bajda ta’ Washington DC il-President il-ġdid. Obama jkun għadda. Iżda mhux dak li rrappreżenta u dak li jibqa’ jirrappreżenta għal dejjem. Mhux biss għax kien l-ewwel President ta’ ġilda sewda li kellha l-Amerika, iżda aktar u aktar għall-personalità dinamika tiegħu u għ

Saflaħħar wasal!

Image
TABIB IEĦOR FL-ETJOPJA Għall-grazzja ta’ Alla, għada l-ħabib tiegħi mill-Etjopja, Zemenu Yohannes Fetene, se jiggradwa tabib ġewwa Addib Ababa wara sitt snin studju iebes. Il-ħolma tiegħu, inkredibbli kif kienet, saflaħħar se sseħħ. Dan mhux mingħajr ħafna nies li taw is-sehem tagħhom, mhux anqas bi flus, ħalli dan iż-żagħżugħ jagħmel din ir-rebħa bla qies f’ħajtu. L-aktar gradwat kuntent Zemenu kien tifel iddestinat li jinqered kmieni bil-faqar, l-għaks u l-mard ... bħal eluf oħrajn tamparu fl-Etjopja. Meta ltqajt miegħu jien fl-2008 kien jgħix ġo għarix ċkejken waħdu jittama biss li jseħħ miraklu. Dan kien qrib il-patrijiet Kapuċċini li kellhom missjoni ġewwa post jismu Pawi. Laqqgħuni miegħu u twebbilt (mingħajr ma kont naf kif se nagħmel) biex ngħinu jgħix ħajja deċenti u jistudja. Lil Zemenu m’għenux biss jien bil-flus li ġbart matul l-aħħar sitt snin minn bosta benefatturi ta’ qalb kbira. Kien jgħinu Dun Ġorġ Grima ta’ Għawdex u wkoll xi Amerikani. Iżda l-aqwa għajnuna

Neo-Laburiżmu

Image
Aktarx qabeż in-nofs tiegħu l-mandat li dan il-gvern ġie afdat bih f’Marzu tal-2013. Aktarx ukoll li s’issa huwa xi ftit jew wisq ċar l-estimu li jista’ jsir ta’ din l-amministrazzjoni u l-ħarsa li qiegħed jagħtih l-elettorat. Kollox ma’ kollox—biex ngħiduha millewwel—dan l-estimu mhuwiex ħażin. Lanqas ma tidher ħażina l-ħarsa. Għaldaqstant, il-bilanċ finali jidher pożittiv. Moviment Laburista L-idea ta’ moviment, flok partit, Laburista ma tidhirx li kienet waħda ħażina. Għallanqas tidher li, fil-biċċa l-kbira tal-ħsieb tagħha, ħadmet. Wara sentejn u nofs ma ħolqitx terrimoti kbar iżżejjed. Xi ftit tas-sulluzzu wieħed stennieh; u dan seħħ. Iżda mhux f’effetti qerrieda għall-idea b’mod kumplessiv. Tassew, xi Laburisti tal-iskola ‘klassika’ (jekk trid issejħilhom hekk) mhumiex kuntenti għal kollox b’xi oqsma tal-ħidma governattiva. Iżda ma jidhirx li dan il-ġudizzju hu universali, jiġifieri ma jidhirx li jkopri kull qasam ta’ din il-ħidma. L-aktar qasam li jweġġa’ jidher li hu da

2,400 sena mit-twelid ta’ Aristotli

Image
Aristotli hu wieħed mill-akbar filosfi tal-qedem. Kbir għax-xogħlijiet li kiteb. Kbir għall-influss li b’xi mod jew ieħor spiċċa biex ħalla fuq iż-żminijiet kollha ta’ warajh fost il-kulturi tad-dinja kollha. Kbir, fuq kollox, għall-għerf tiegħu. Din is-sena, 2016, qiegħed jiġi mfakkar l-2,400 sena minn twelidu. Aristotli huwa wkoll meqjus bħala l-ewwel xjenzat fid-dinja. Min kien Aristotli? Aristotli twieled fi Staġira, il-Greċja, fis-sena 384 qabel Kristu; 2,400 sena ilu. Missieru kien tabib, iżda miet meta ibnu kien għadu tifel. Ta’ tmintax-il sena, Aristotli ssieħeb fl-iskola tal-filosfu Platun (magħrufa bħala l-Akkademja) ġewwa Ateni. Baqa’ hemmhekk għal kważi għoxrin sena; telaq biss meta miet Platun. Meta ħalla Ateni, Aristotli kompla l-istudji xjentifiċi (botaniċi u żooloġi) tiegħu fuq il-gżira ta’ Lesbos. Wara xi ħames snin, ir-Re Filippu tal-Maċedonja stiednu jsir l-għalliem ta’ ibnu Alessandru (li wara sar magħruf bħala Alessandru l-Kbir). Dam jgħallem lilu u lil sħa