Saflaħħar wasal!

TABIB IEĦOR FL-ETJOPJA


Għall-grazzja ta’ Alla, għada l-ħabib tiegħi mill-Etjopja, Zemenu Yohannes Fetene, se jiggradwa tabib ġewwa Addib Ababa wara sitt snin studju iebes. Il-ħolma tiegħu, inkredibbli kif kienet, saflaħħar se sseħħ. Dan mhux mingħajr ħafna nies li taw is-sehem tagħhom, mhux anqas bi flus, ħalli dan iż-żagħżugħ jagħmel din ir-rebħa bla qies f’ħajtu.

L-aktar gradwat kuntent

Zemenu kien tifel iddestinat li jinqered kmieni bil-faqar, l-għaks u l-mard ... bħal eluf oħrajn tamparu fl-Etjopja. Meta ltqajt miegħu jien fl-2008 kien jgħix ġo għarix ċkejken waħdu jittama biss li jseħħ miraklu. Dan kien qrib il-patrijiet Kapuċċini li kellhom missjoni ġewwa post jismu Pawi. Laqqgħuni miegħu u twebbilt (mingħajr ma kont naf kif se nagħmel) biex ngħinu jgħix ħajja deċenti u jistudja.

Lil Zemenu m’għenux biss jien bil-flus li ġbart matul l-aħħar sitt snin minn bosta benefatturi ta’ qalb kbira. Kien jgħinu Dun Ġorġ Grima ta’ Għawdex u wkoll xi Amerikani. Iżda l-aqwa għajnuna ġiet minn Zemenu stess, li baqa’ jemmen fil-ħolma li kellu li jsir tabib għas-servizz tal-poplu Etjopiku u, fuq kollox, baqa’ jemmen f’Alla l-Imbierek.

Issa, wara sitt snin iebsa ta’ studju u tbatija, Zemenu saflaħħar wasal. Għada hu jum tal-għaġeb għalih. “Jien se nkun l-aktar gradwat kuntent li qatt kien hawn fid-dinja!” kitibli l-ġimgħa li għaddiet. Tabilħaqq, meta ssir taf l-istorja tal-għaġeb tiegħu, ma tistax ma taħsibhiex bħalu.

Kburin bih

Aktarx li kieku lil Zemenu ma ħadux ħsiebu l-patrijiet Kapuċċini, billi libsuh u temgħuh, kien ikun tallab fit-toroq li jmut f’qasir il-għomor bil-malarja, it-tiberkulosi, il-poljo jew l-AIDS. Xi snin ilu kien kitibli hekk:

“Il-ħolma tiegħi li nkun tabib kienet ilha miegħi sa minn mindu kont tifel. Ma nafx minfejn kienet ġiet din l-idea, imma ma niftakar ebda żmien li fih ma kinetx f’moħħi. Jien tlift lil ommi u ’l missieri meta kont fil-ħames sena tal-Primarja. Mietu b’mard li seta’ jitfieq faċilment. Minn dak il-mument ħaduni ġo sptar u kienu jrabbuni hemmhekk. Temminha!? Imbagħad, ftit wara, għall-Grazzja t’Alla, spiċċajt fil-Missjoni Kattolika, fejn kien iħallas għall-għajxien tiegħi Dun Ġorġ Grima ta’ Għawdex, tal-Moviment Ġesù fil-Proxxmu.

“Jien rajt nisa tqal imutu bil-malarja; rajt tfal żgħar imutu bid-diarrhoea; għext ma’ nies bit-TB u li kienu HIV positiv. Ta’ tifel żgħir li kont, fl-isptar rajt ħafna affarijiet tal-biża’. Dan kollu saħħaħli l-fehma tiegħi li nsir tabib. Jien ma rridx nara aktar minn dawn l-imwiet la fl-Etijopja u lanqas fl-Afrika! Irrid insalva l-ħajjiet ta’ dawk li jinsabu fi triqthom lejn mewt żgura! Irrid insalva l-ħajjiet ta’ tfal, ommijiet u żgħażagħ! Ma rridx nara aktar nies fl-Afrika jmutu b’mard li jista’ jitfieq faċilment!

“Din hi l-ħolma tiegħi. Jien inħares ’il quddiem lejn dak il-jum li fih int u nies oħrajn ikunu kburin bl-għajnuna li tajtu lili. Inħares ’il quddiem lejn dak il-jum li fih tisma’ b’nies ħerġin daħkana u b’saħħithom mill-kura tiegħi.”

Ġrajja li bdiet

Dan il-jum saflaħħar wasal. Huwa għada. L-inkredibbli seħħ. L-impossibbli sar. Minn hawnhekk, filwaqt li nirringrazzja lil Alla l-imbierek li ġab fi tmiem hekk sabiħ din il-ġrajja, nixtieq ukoll nuru r-rikonoxximent u l-gratitudni tiegħi lil dawk kollha li, tul l-aħħar sitt snin, tawni l-opportunità li ngħin lil Zemenu jsir tabib.

Is-servizz tiegħu qiegħed jibda issa. Il-mijiet ta’ ħajjiet li se jsalva se jibdew ġejjin. Il-ġrajja ta’ Zemenu mhijiex se tieqaf. Għadha kemm bdiet.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?