Posts

Showing posts from August, 2014

Dimech poeta

Image
Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Settembru, jaħbat il-100 sena mill-bidu tal-eżilju ta’ Manwel Dimech. Is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) se jfakkar dan l-avveniment b’attività kommemorattiva u wkoll bi ktieb ġdid. Għal dawn, int mistieden it-tnejn. Kommemorazzjoni L-attività kommemorattiva se ssir eżatt eżatt f’għeluq il-100 sena mill-eżilju, fl-istess ħin u fl-istess post. Jiġifieri fil-5 ta’ Settembru, fis-7 ta’ filgħaxija, fix-Xatt tal-Belt (in-naħa tal-Port il-Kbir; quddiem fejn jieqaf il-Lift). Huwa xieraq li inti u l-familja tiegħek, flimkien mal-poplu Malti kollu, tieħu sehem f’din l-attività ta’ sinifikat kbir. Għalkemm Dimech dak in-nhar tal-5 ta’ Settembru nġieb mill-Klistanija (ta’ Strada Merkanti, il-Belt) b’segretezza kbira u ħadd ma kien jaf li niżżluh ix-Xatt, nhar il-Ġimgħa mhuwiex se jkun hekk. Il-preżenza tagħna lkoll f’dan il-mument irid juri solidarjetà, mhux biss ma’ Dimech ittradut u eżiljat, iżda wkoll ma’ kull minn fid-dinja ġralu jew qiegħed jiġrilu l-istess.

Il-maħfra lil Miguel d’Escoto

Image
Tliet ġimgħat ilu, fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, b’ġest sorprendenti l-Papa Franġisku ta l-permess lil Miguel d’Escoto, patri tas-soċjetà Maryknoll, li jerġa’ jibda jqaddes wara 29 sena ta’ sospensjoni mill-Papa Ġwanni Pawlu II (fl-1985). F’dak iż-żmien, D’Escoto kien Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Nikaragwa (1979–1990). Wara kien Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (2008–09) u mbagħad Ambaxxatur tal-Libja għall-Ġnus Magħquda (2011). Illum D’Escoto għandu 81 sena. Saċerdot imqareb Il-maħfra tidher li ġiet wara talba minn d’Escoto nnifsu. Xtaq jerġa’ jqaddes qabel ma jmut, qal. U l-Papa wrieh din il-ħniena. Ġest sabiħ ta’ umanità. Ġest li xi wħud għammxu għajnejhom biex jilmħu fih bidla fil-qalb tal-Vatikan. Għammxuhom għalxejn. Il-ġest ma jindika ebda bidla fil-pożizzjoni politika tradizzjonali tal-Vatikan. Jekk xejn, juri li l-Papa preżenti u l-Vatikan ma jarawx għajn b’għajn. D’Escoto kien saċerdot imqareb. Għalkemm twieled l-Amerika, trabba n-Nikaragwa. Ta’ 14-il sena

Nies li jieħdu; nies li jagħtu

Image
Il-qtugħ tal-bniedem min-natura jimmarka l-mogħdija bejn ħlejjaq ‘li jagħtu’ għal ħlejjaq ‘li jieħdu’. Dan kien pass devastanti u traġiku. Kull wieħed u waħda minna rridu nitgħallmu nieħdu dak il-pass lura; li nerġgħu nitgħallmu nagħtu flok nieħdu; li nerġgħu ningħaqdu mal-ispirtu tan-natura. Hu dan li, ħafna drabi, is-soċjetà ċivilizzata tgħir għalih u ma tħalliniex nagħmlu. In-natura tagħti biss In-natura hi festa ta’ ġenerosità. Tagħti biss. Tagħti b’idejha miftuħa. Tagħti u ma titlob xejn lura. Meta ngħid ‘natura’ ma nifhimx biss l-ambjent naturali, iżda wkoll il-ħlejjaq ħajjin kollha (barra l-bniedem), kif ukoll il-ħxejjex kollha u s-siġar. Ilkoll jagħtu bl-abbundanza, mhux biss lilhom infushom, iżda l-benna tagħhom. Fil-fatt, ma jafux jagħmlu ħaġa oħra għajr jagħtu, u jagħtu bla qies. In-natura hija skola ta’ ġenerosità. Ma tistaqsiex għaliex qed tagħti jew għandha tagħti. Ma jinteressahiex int min int, jistħoqqlokx taqla’, intix se tapprezza. Ma tgħoddlokx id-drabi li ko

O, Libja, Libja, x’piena!

Image
L-Alleati l-ewwel għamlu sfreġju sħiħ fil-Libja u issa taparsi qegħdin jibku għad-diżastru li ħallew warajhom. L-ewwel riduna nemmnu li kien meħtieġ li jagħtu armi bl-addoċċ lil kulħadd, forsi anki lil militanti Islamiċi, u issa jriduna nemmnu li hu meħtieġ li nibku s-sitwazzjoni. Riduna nemmnu li Gaddafi kien problema, u issa li l-problema hi li m’għadux aktar. Il-verità hi li l-Alleati ħadmu lil kulħadd waħda u sew. Bħal dejjem. Ħarufa qalb l-ilpup Dan kollu li qed jiġri fil-Libja kien prevedibbli sa mill-bidu. L-Alleati―jiġifieri l-Amerika u sħabha Franza, l-Ingilterra u oħrajn―riedu jeħilsu minn Gaddafi akkost ta’ kollox. Issa qed nieħdu l-kollox. Il-problema, tabilħaqq, ma kien Gaddafi xejn, iżda l-Alleati nfushom. Gaddafi dejjem fixkel il-pjanijiet tagħhom u issa s-sitwazzjoni preżenti hija l-aħjar waħda għall-interessi tagħhom. L-Amerikani qegħdin isostnu li qatt ma riedu ġlied fil-Libja. Iżda kif jista’ ma jkunx hemm ġlied meta, biex jilħqu l-objettiv għami tagħhom, for

Min qed imexxi?

Image
Min qed imexxi? Il-gvern jew il-Kamra tal-Kummerċ? Dokument li l-Kamra ħarġet ġimgħa u nofs ilu donnu jħallik f’dubju Malta ta’ min tabilħaqq hi. Mhux biss idaħħallek f’moħħok fellus li mhijiex tagħna lkoll, iżda saħansitra lanqas tal-gvern. Id-dokument jagħtik impressjoni qawwija li ninsabu lkoll f’idejn in-nies tal-privat li għandhom il-bżar xi jroxxu. Il-‘viżjoni’ Id-dokument imsejjaħ ‘Economic Vision for Malta 2014–2020’ (Viżjoni Ekonomika għal Malta 2014–2020), maħruġ mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fit-22 tax-xahar li għadda, hu magħmul minn 52 proposta li jippreżumu li għandhom ikunu l-bażi tad-direzzjoni ekonomika ta’ Malta fis-sitt snin li ġejjin. Id-dokument hu ffirmat minn għoxrin kap eżekuttiv ta’ kumpaniji kbar lokali, kif ukoll mill-Università ta’ Malta. Minbarra li d-dokument jissuġġerixxi lill-Gvern fuq liema setturi għandu jiffoka, jgħidlu wkoll fejn għandu u m’għandux jinvesti flus il-poplu. Bis-sehem tal-Prim Ministru nnifsu, meta ppreżen