Id-demm tal-ħajja
L-aqwa għemil ta’ tjieba umana huwa dak anonimu. Mhux biss meta min jirċievi l-għemil ma jkunx jaf min għamlu, imma aktar u aktar li min jagħmel l-għemil ma jkunx jaf min gawda minnu. L-istess il-karità, meta tkun anonima b’dan il-mod li qed ngħid, hi fl-aqwa tagħha. Meta tagħti d-demm, dan hu li tkun qed tagħmel. Tjieba umana, karità nisranija Jien wieħed minn dawk li, kull tliet xhur, immur bil-ferħ kollu ta’ qalbi nagħti d-demm. Għalija hu sagrifiċċju tabilħaqq żgħir, imma li naf li jiswa’ ħafna. Fiċ-Ċentru tal-Demm fi Gwardamangia, ħdejn id-dħul tal-Isptar San Luqa, dejjem sibt kortesija mill-aqwa u faċiltà kbira biex nagħmel din l-opra ta’ tjieba umana u karità nisranija. Nifhem li mhux kulħadd għandu stonku biex jagħti d-demm. Għandu mnejn jibża’ mil-labra jew ma jħossux komdu meta jara d-demm jinġabar ġo borża. Iżda nifhem ukoll li l-biċċa l-kbira tagħna m’għandhomx problemi bħal dawn u xorta waħda qatt ma qiesu b’serjetà li jagħtu mid-demm lil ħaddieħor. Jista’ jkun h...