Posts

Showing posts from March, 2018

Il-firda meħtieġa

Image
Spiss nisimgħu li għandu jkun hawn l-għaqda fost il-Malta u l-Għawdxin. Spiss nisimgħu min jilmenta li l-poplu Malti u Għawdxi hu mifrud politikament. Dawn in-nies, fosthom ukoll studjużi u oħrajn fis-setgħa, jikkundannaw il-firda mingħajr riservi, u jfaħħru s-siwi u l-ħtieġa tal-għaqda. Imma jien ngħidlek li l-firda hi meħtieġa, u l-ħasra hi m’hawnx aktar minnha. Bis-setgħa u mingħajrha Meta ngħid hekk, m’iniex qed nirreferi għall-firda partiġġjana, la fil-politika u lanqas ta’ bejn il-każini tal-banda. Il-firda f’dawn il-każijiet hi balala u infantili; frott l-injoranza u l-immaturità. Firda bħal din hi biss apparenti, għax fil-fatt iż-żewġ naħat huma magħqudin waħda u sew fl-istess attitudni u mentalità tribali fariżajka u fanatika. Mhux din il-firda ngħidlek li hi meħtieġa. Din il-firda, aktar ma tinqered malajr, aktar aħjar. Il-firda li qed nirreferi għaliha hi dik ideoloġika. Jiġifieri l-firda ta’ bejn in-nies tas-setgħa u n-nies ta’ bla setgħa. Din mhijiex sempliċiment f

Lil sieħbi Charles

Image
Lil ftit nies insejħilhom ‘ħbieb’. U ftit nies nieħu gost li jsejħuli ħabib tagħhom. Pitma minn daqshekk. Għax għalija l-ħbieb mhumiex biss nies li nafhom jew jafuni. Il-ħbieb huma nies li jaraw għajn m’għajn miegħek. Ħafna nies iħobbuk għal raġunijiet ħżiena, l-aktar għax jaraw fik xi gwadann għalihom infushom. Il-ħbieb iħobbuk għalik innifsek, mingħajr ma jridu jobormu xejn mingħandek; mingħajr ma jriduk tinbidel. Wisq anqas insejjaħ lil xi ħadd ‘sieħbi’ kif ġieb u laħaq. Jissejjaħ hekk biss min jissieħeb miegħek f’xi ħidma li tkun qed tagħmel. Lanqas xi ħbieb ma nsejħilhom sħabi, aħseb u ara nies li bil-kemm kemm inkun nafhom jew oħrajn li jkunu jafuni biss di vista. Insejjaħ biss ‘sieħbi’ l-ftit mill-ftit. Ħsieb u demm Wieħed minn dal-ftit kien Charles Miceli. Ħabibi u sieħbi. Naħseb bdejna nsiru nafu ’l xulxin xi tlieta u għoxrin sena ilu u, f’daż-żmien kollu, bqajna dejjem f’rabta ma’ xulxin. Bosta drabi din kienet rabta ta’ ħidma li konna nagħmlu, parallela jew flimkien.

Min hu l-giddieb?

Image
Ilkoll kemm aħna nigdbu. Nammettuhx jew le, konxji jew le ta’ dan, ilkoll kemm aħna spiss ngħidu gideb żgħir jew kbir mingħajr ma niddejqu xejn jew niddejqu ftit. Madanakollu, filwaqt li aħna nigdbu, xi kultant saħansitra lilna nfusna, qajla noqogħdu għall-gideb ta’ ħaddieħor. Terġa’ u tgħid, minn persuni pubbliċi, inkluż il-politiċi tagħna, ma naċċettaw qatt li dawn jigdbulna. Il-gideb hu dejjem ħażin jew xi kultant biss? Għala nigdbu? Ftit jidher li hawn nies li jaqblu li l-gideb hu dejjem ħażin. Skont studji li saru, aħna l-bnedmin nibdew nigdbu fl-età ta’ sitt xhur billi nibku u nidħqu biex nattiraw l-attenzjoni. Il-biċċa l-kbira tagħna jitgħallmu jigdbu b'mod konvinċenti minn erba’ snin ’il quddiem. Qabel dan, it-tfal ma jkunux jistgħu jifhmu għala l-oħrajn ma jarawx xi ħaġa kif jarawha huma. Donnhom jassumu li hemm punto di vista waħda biss. Meta nkunu tfal, nitgħallmu nigdbu b’effettività qabel ma niżviluppaw il-kapaċità mentali biex NIFHMU għala l-gideb iħalli ċerti

O msejkna Sirja!

Image
Dax-xahar, il-gwerra ċivili fis-Sirja tagħlaq seba’ snin! Bdiet bi protesti paċifiċi madwar l-hekk imsejjaħ “Rebbiegħa Għarbija” tal-2011, imbagħad bdew l-attakki tal-armata tal-gvern, u l-infern kollu nfexx. Skont il-Ġnus Magħquda, s’issa nqatlu madwar nofs miljun ruħ, il-biċċa l-kbira minnhom nies ċivili. Barra minn hekk, madwar ħames miljuni u nofs ħarbu mill-pajjiż bħala refuġjati, fosthom man-nofs miljun Insara Sirjani. Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm taparsi waqfa mill-ġlied, imma din ma swiet għal xejn. L-attakki baqgħu sejrin. L-agħar hu dan: li tmiem għal din il-gwerra s’issa ma jidhirx li jista’ jkun hemm. Pajjiż maqsum Il-gwerra ċivili fis-Sirja hi waħda mhux bħall-oħrajn li ġieli smajna bihom fl-imgħoddi qarib. Hi gwerra li, meta tqis kollox, tintebaħ li mhi tas-Sirja xejn. L-indħil ta’ diversi pajjiżi fiha, b’appoċċ għal xi naħa jew oħra, wassal biex hemmhekk tiġi miġġielda gwerra għal skopijiet oħra, l-aktar waħda għat-trażżin u l-kontroll tal-Iran. Il-prezz, però,