Il-Parowl: Bewsa ta’ Ġuda
Waħda mill-wegħdiet elettorali li l-aktar kienu jinteressawni fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2008 kienet dik tal-Parowl. Sħabi u jien, flimkien mal-priġunieri, il-familji tagħhom u bosta kollaboraturi, konna ħdimna ħafna sabiex nippromovuha, u konna ferm kuntenti li l-wegħda elettorali ġiet magħmula. Emminna ħafna fit-twettiq tagħha. Illum, ħames snin wara, u lejlet elezzjoni ġenerali oħra, ikollna nammettu li l-wegħda kienet biss bewsa ta’ Ġuda. Wegħda elettorali Biex inkun eżatt, il-wegħda kienet li l-gvern idaħħal is-sistema tal-Parowl fil-leġislatura li jmiss (2008–13). Din kienet iswed fuq l-abjad fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-gvern. Iddaħħlet wara li, f’laqgħa semi-pubblika ftit qabel l-elezzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-PN, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien għamilha bil-fomm u ta l-assigurazzjonijiet tiegħu għat-twettiq tagħha. Il-Parowl hija sistema li biha priġunier jiġi rilaxxat mill-ħabs fuq kundizzjonijiet speċifiċi bil-patt li jekk...