Posts

Showing posts from May, 2017

Ħut fil-baħar

Image
L-aħħar ġimgħa ta’ kampanja elettorali qasira u intenza hija aktarx l-aktar waħda importanti. Min s’issa ma semgħax, jisma’ xi ftit. Min s’issa la kien l-hemm u lanqas l-hawn, ixaqleb. Min s’issa ma ried jaf b’xejn, jaħsibha darbtejn. Din hija l-ġimgħa kruċjali meta l-istorbju jeqliel. Kulmin nhar is-Sibt se jersaq lejn il-kaxxa tal-vot se jkun qed jixtri l-ħut fil-baħar. Il-kwistjoni kollha issa hija: min hu l-aħjar sajjied? L-esperjenza li tgħodd Kull elezzjoni ġenerali, f’pajjiżna daqskemm f’ta’ ħaddieħor, xi ftit jew wisq hija fuq il-ħut fil-baħar. Kull partit jagħmel il-wegħdiet tiegħu lill-elettorat, imbagħad hu għall-elettorat jemminhomx jew le. Hija kollha kwistjoni ta’ fiduċja f’min jagħmel il-wegħdiet, huwiex ta’ min jafdah bil-kelma li jagħti. F’din l-elezzjoni ġenerali, il-wegħdiet qed isiru minn sajjied li għandu l-esperjenza u ieħor li m’għandux. Dan, waħdu waħdu, aktarx mhuwiex biżżejjed biex issir ġudizzju minnhom. Erba’ snin ilu wkoll kellna sajjied li ma kienx

Flieles magħduda

Image
Kemm jagħmel ħażin min jgħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu! Ċert kemm wieħed jista’ jkun ċert minn xi ħaġa, ma jiswielu qatt li jagħmilha fatta qabel ma x-xilep ikun ġewwa. Dejjem għarralu min kanta l-glorja bla ma kellu s-sabar jistenna sakemm il-ġirja tintemm. Fuq kollox, wieħed irid jibqa’ jaqdef b’saħħtu kollha, mingħajr serħan, sal-barkun. Il-ġirja sal-barkun Il-kampanja elettorali għaddejja b’ritmu qawwi u għad fadal ġimagħtejn twal sa ma tiġi fi tmiemha. Nies imħeġġa żżejjed fuq iż-żewġ naħat tal-iskjerament politiku diġà qed jgħajtu l-hallelujah bħallikieku llum kien l-4 ta’ Ġunju. Il-ħeġġa tagħhom tagħmilhom. Jagħmlu bħal dak l-iblah ċorma jaħsibha ġgajta u għadira baħar. Iblah hu min jitlaq idejh u jserraħ moħħu għax jistħajjel li diġà qed iħoss fuq rasu r-rand tar-rebħa. Il-palju jista’ jkun f’idejk biss meta t-tellieqa tispiċċa u ebda stħajjil ma jista’ jġib dak il-waqt eqreb lejk. Xi wħud hekk qed jagħmlu għax, għandu mnejn, jobsru li l-kompetituri tagħhom waqgħu lu

Partitiżmi, wegħdiet u biżgħat oħra

Image
Aktar ma l-folol jiskjeraw irwieħhom f’partiti tribali aktar jitbiegħdu mir-realtà. Wara biss ġimagħtejn ta’ kampanja elettorali intensa, it-trunċieri diġà tħaffru hekk fil-fond li, minn ġo fihom, wieħed jista’ jara anqas dak li hemm fil-madwar, mhux biss fil-bogħod, imma wkoll fil-qrib. Għalkemm nisimgħu dwar prijoritajiet, dak li jingħad fil-mikrofoni diġà beda jsir hekk sempliċi—anzi, sempliċistiku—li kull sfumatura jew ħajra għal argumentazzjonijiet sensata qed tintefa dejjem aktar biex jibqa’ biss karikatura bħal dik li jħażżu t-tfal tan-nuna. Il-folol jitolbu mill-kelliema l-A, B, Ċ, u l-kelliema jagħtuhom preċiżament dak. Kampanja elettorali ma tippermettix l-iċken sofistikazzjonijiet għax il-partitiżmu mhuwiex dwar x’naħsbu imma dwar li ma naħsbux. Għalhekk hija magħmula l-aktar minn slogans kważi inkomprensibbli, repetizzjonijiet kważi ipnotiċi u emozzjonijiet kważi paranojċi. Il-maniġġjar tal-biżgħat Fuq kollox, kampanja elettorali hi taħriġ fil-maniġġjar ta’ biżgħa

Il-kalma meħtieġa

Image
Dawn huma żminijiet li jeħtieġu l-kalma. Faċli jisħnu l-irjus. Faċli n-nies jgħaġġlu. Faċli l-emozzjonijiet jisplodu. Iżda dak li jiġi faċli, għall-anqas fis-soċjetà Maltija lejlet elezzjoni ġenerali, ma jgħin xejn meta dik li hi meħtieġa hija r-raġuni. Il-mument jgħaddi. Li jibqa’ hu x-xogħol bieżel u għaqli. Il-ferneżija tal-mument Dan hu l-mument meta kulħadd se jgħid tiegħu. Jipprova jbigħ min jgħajjat l-aktar. L-arja timtela b’messaġġi konflinġenti u kontradittorji; bi ħsejjes igiddbu ’l xulxin; b’pika ta’ kliem u xejn anqas b’tgħajjir. Tisma’ mingħajr ma trid. Ukoll jekk tipprova tittarrax. Kulħadd jipprova jimpressjonak; jiġbidlek l-attenzjoni; ikaxkrek miegħu. Għall-ewwel tibda tisma’ xi ħaġa. Imbagħad, meta jistorduk, tkompli tisma’ anqas u anqas. Meta fl-aħħar tispiċċa b’moħħ vojt li qisu laqtitu sajjetta: imtarrax u mnemnem. Il-ferneżija tal-mument f’kampanja elettorali ma taħfirha lil ħadd. Għada jew pitgħada, waqt li s-saħna tiħrax, kulħadd jinqabad fiha. Iżda hu