Posts

Showing posts from January, 2020

Soċjaliżmu mingħajr qrun

Image
L-annimali li għandhom qrun, is-saħħa tagħhom tinsab fi qrunhom. Dawn jużaw qrunhom bħala arma tal-waħx. Jużawh bħal ponta ta’ lanza, bħal xafra ta’ xabla, bħal bajunetta t’azzarin, bħal raġġ laser. Annimali bħal dawn jikkonċentraw saħħithom kollha fi qrunhom u bih jissieltu biex jirbħu. Simbolu ta’ qawwa Mhux ta’ b’xejn li, fl-eqdem letteraturi tad-dinja, il-qarn dejjem issibu bħala simbolu ta’ qawwa u saħħa. Annimali li m’għandhomx qrun, imma minflok jużaw diffrejhom, snienhom, munqarhom, il-qorriegħa u x’naf jien, ma jagħmlu xejn kontra l-ħila ta’ qrun. Meta tagħraf li dan hu magħmul biss minn xagħar magħfus flimkien, għandek mnejn tistagħġeb x’saħħa bla qies tinsab f’għaqda bħal din. Ridt insemmi dit-tixbiha hawnhekk mhux tant biex infaħħar l-annimali għal qrunhom, imma aktar biex nitħassar ’il dawk li tilfuh. M’hemmx dehra aktar patetika minn xi barri bla qies li tilef qrunu. B’għajnejh miksurin ma jagħmel arja ma’ ħadd u xejn għax jaf li saħħtu hi mitmuma, bħal meta ’l Sa

Għażliet emozzjonali

Image
Hija aktarx waħda mir-regoli mill-aktar ċari tal-ħajja li l-għażliet u d-deċiżjonijiet emozzjonali rarissimament iwasslu għal riżultati tajba. Dan ma jfissirx li bil-fors dejjem iwasslu għal riżultati ħżiena. Imma għandhom mnejn aktar iva milli le. Huma ħafna aktar fiż-żgur għażliet jew deċiżjonjiet razzjonali. L-istinti Dad-deċiżjonijiet u għażliet tal-aħħar insejħilhom “razzjonali” mhux għax ikunu għal kollox nieqsa mill-emozzjonijiet. Dan aktarx huwa impossibbli. Lanqas ma nsejħilhom “razzjonali” għax bil-fors ikunu jagħmlu sens aktar mill-għażliet u d-deċiżjonijiet emozzjonali. Le. Insejħilhom hekk għax ikun daħal fihom xi ftit aktar ħsieb milli jidħol fl-għamla l-oħra, dik emozzjonalil. Bil-Malti għandna l-ħabta ngħidu li d-deċiżjonijiet emozzjonali jsiru billi n-nies jużaw biss qalbhom, jiġifieri s-sentimenti li jħossu. Min-naħa l-oħra, d-deċiżjonijiet li jsir “razzjonalment” huma dawk li ngħidu li jsiru billi nħaddmu moħħna aktar milli qalbna. “Tiħux deċiżjoni b’qalbek,”

“Eyes down”

Image
Ħafna minna jafuha sew din l-għajta. Huma l-ewwel kliem li tisma’ meta tmur tilgħab it-tombla. “ Eyes down for the first number ” – kulħadd għajnejh ’l isfel għall-ewwel numru. Hija sejħa għall-attenzjoni. Biex kulħadd jiffoka. Għax ġie l-mument tax-xogħol. Daqshekk paroli. Issa bis-serjetà. Tlaqna ... Ħidma flimkien Għandhom mnejn li dawn huma l-aħjar kliem li jfissru dan li ġara llum. Mexxej ġdid tal-Partit Laburista, Prim Ministru ġdid, se jibda x-xogħol. Daqshekk kampanji. Daqshekk inċertezzi. Daqshekk taqtiegħ il-qalb. Mil-lum jibda x-xogħol tal-mexxej u l-Prim Ministru l-ġdid. Tassew li dal-kliem – “ eyes down ” – jiġu fil-bidu ta’ logħba. Ix-xogħol li qed jinbeda llum m’huwa logħba xejn. Huwa x-xogħol ta’ restawr u ta’ kostruzzjoni nazzjonali li jrid jittieħed bl-akbar serjetà. Illum l-ogħla uffiċċju amministrattiv ta’ pajjiżna qed jieħu nifs ġdid, enerġija ġdida, u jalla jibda b’dinamiżmu li jsikket kull ilsien kattiv. Le, mhuwiex logħba x-xogħol li qed jinbeda llum.

Is-sena tal-kontijiet

Image
Telgħet saflaħħar ix-xemx fuq is-sena li fiha se jsiru ħafna kontijiet. Is-sena li għaddiet ħalliet ħafna affarijiet pendenti u miftuħa. Dis-sena jridu jingħalqu. F’ġimgħatejn oħra, mhux biss il-Partit Laburista jkollu ‘leader’ ġdid, imma l-pajjiż ikollu Prim Ministru ġdid. Dan se jibda jagħlaq il-kontijiet. Dan se jibda jrodd l-istabbilità li lkoll nixtiequ naraw. Il-partit Qabel xejn, la darba qed nitkellmu f’din il-gazzetta, jidhirli li jrid jingħad li l-istabbilità trid tibda tinħass l-ewwel nett fil-Partit Laburista. Ma jidhirlix li l-partit hu mifrud. Imma għadda minn esperjenza trawmatika li jeħtieġ jirkupra minnha. Xi wħud firdu lilhom infushom mill-partit, jew aħjar minn min jirrappreżentah, u issa, għandi nifhem, huma anzjużi biex jerġgħu jirritornaw. Oħrajn, għalkemm mhux maqtugħin, ħassewhom maħsudin u xxokkjati. Dan-nies kollha, ilkoll Laburisti, m’għandix dubju li jridu jħossuhom għal darb’oħra komdi fil-partit li jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet nazzjonali tagħh