Posts

Showing posts from June, 2019

It-traġedja tar-refuġjat

Image
Il-politika tal-President Amerika Trump li jsaħħaħ l-isforzi biex anqas u anqas refuġjati jidħlu l-Istati Uniti kabbret it-traġedja umana fl-Amerika Latina kollha, iżda wkoll reġgħet tellgħet għall-attenzjoni tad-dinja t-traġedja tar-refuġjat kullimkien fid-dinja. Fil-Mediterran daqskemm fl-ibħra ta’ Arafura u Timor fit-tramuntana tal-Awstralja, kif ukoll fuq l-art fil-kontinenti kollha, dit-traġedja tissokta waqt li l-bniedem jagħmel dak li dejjem għamel: jivvjaġġa. L-isfida dinjija Xi wħud jgħidu li aktarx il-bniedem, bħal kull annimal ieħor, qatt ma kellu jibqa’ marbut ma’ post wieħed biss għal ħajtu kollha. Minn dejjem ried jivvjaġġa; jimxi minn post għall-ieħor; jgħix f’ambjenti differenti. Malli qagħad f’post wieħed, malli beda jibni l-bliet, hemmhekk beda l-inkwiet. Ġew il-liġijiet li ma jħalluhx jivvjaġġa, u ġiet ukoll l-isfida għal dawk il-liġijiet. Sal-lum dil-isfida ma waqfet qatt. Kullimkien fid-dinja, minn fuq ibħra, muntanji, deżerti u xmajjar, il-bniedem jibqa’ j

Il-gwerra kummerċjali

Image
L-Imperatur Donald Trump, karru fil-karnival ta' Viareggio, l-Italja, f'Marzu tal-2019. F’Mejju li għadda, is-sit soċjali Twitter ħa sehem f’xi ħaġa mingħajr preċedenti: kien il-bidu ta’ speċi ta’ gwerra bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina. Dil-gwerra hi kummerċjali. Dak li bdiha kien il-president tal-Istati Uniti, Donald Trump. L-iskop: biex iċ-Ċina tħallas aktar fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet lejn u mill-Istati Uniti. Siti soċjali Is-sit Twitter aktarx qatt ma kien maħsub li jintuża b’dal-mod. B’mod ġenerali, ebda mexxej tad-dinja ma kien jiżvela l-politika tiegħu b’das-sit jew xi ieħor bħalu. L-anqas biss ma kienu l-mexxejja jew nies imlaħħqin f’xi gvern iqis sit bħalma hu t-Twitter bħala xi ħaġa serja biżżejjed biex huma joqogħdu jiktbu fuqu. Donald Trump, il-president tal-Istati Uniti tal-Amerika, biddel dan kollu. Kulmeta jfettillu, Trump beda jikteb fuq Twitter personalment, u dan mhux biex jikteb xi sentenza li ma jkollhiex wisq sustanza,

Għall-kalma ta’ wara

Image
Għaddew il-jiem tal-gdim tad-diffrejn u issa kulħadd, nittama, reġa’ lura għall-kalma ta’ wara. Naturalment, wara l-kampanji elettorali, wara it-tbaqbiqiet mill-oppożituri, wara l-eżasperazzjoni tal-elezzjonijiet, wara l-eċċitament tar-rebħa (jew, għal oħrajn, it-telfa) ... lura għall-kalma, lura għall-ħajja normali, lura għax-xogħol. Hawn bħal barra L-elezzjonijiet, kbar jew żgħar, iġibu dan l-effett stramb fuq il-Maltin u l-Għawdxin. Ibaqbquhom. Għall-ewwel jidher li l-biċċa l-kbira jirnexxielhom iżommu l-kalma, imma mbagħad, malli l-arja tibda tisħon, jisħnu wkoll l-irjus, itaqtqu l-ilsna u jtiru x-xrar. Ħafna jitilfu rashom iżżejjed. Il-biċċa l-kbira għandu jkun jitqattgħu minn ġewwa. Kont naħseb li dan jiġri biss fil-gżejjer tagħna. Imma le. Ma jiġrix biss hawnhekk. Id-deni elettorali jitla’ kullimkien. Ukoll f’dawk il-postijiet fejn għandhom mnejn jaħsbu li huma aktar iċċivilizzati minn ħaddieħor; f’xi Franza, ngħidu aħna, jew f’xi Olanda. Kulfejn ikun hemm elezzjonijiet

Ewropa mingħajr xellug

Image
Darba niftakar li kellna mejda d-dar tgħidx kemm kienet bis-sens. Kienet magħmula fi tnejn biex, jekk wieħed ried itawwalha, kemm jiġbed iż-żewġ t’iġnub minn xulxin u jdaħħal biċċa żejda f’nofshom. Ħuti u jien, ta’ tfal li konna, darba qgħadna nilagħbu ma’ dil-mejda biex intawluha. Mingħajr ma neħħejna xejn minn fuqha, ġbidniha u, f’daqqa waħda, il-ġnub għolew, in-nofs niżel u kollox tkaxkar u tkisser fiċ-ċentru! Il-valur Dil-istorja tibqa’ tiġini f’moħħi meta nilmaħ Ewropa li fiha kull politika, il-lemin daqskemm ix-xellug, ikomplu jsiru parti mill-istess ċentru. Kollox jitkaxkar għan-nofs; mingħajr ġnub. L-għażla donnha qed issir waħda dejjem aktar omoġenea, indistingwibbli u insipida. X’jiġifieri dan? Ifisser li ċ-ċentru hu biered kemm jista’ jkun biex moħħu jkun biss fir-riżultati konkreti tal-prosperità. Darba Einstein kien qal: Tfittixx li tkun bniedem ta’ suċċess, imma bniedem ta’ valur. U għandu mnejn l-istess jista’ jingħad fuq il-filosofija politika tal-Ewropa tal-lum

Is-Sirja tissawwat

Image
Tistaqsini: ‘Għandek tant fuqiex titkellem dil-ġimgħa—bl-elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali—u tiġi tikteb fuq is-Sirja?’ Inwieġbek: ‘Iva, għax għandu mnejn ninsew li, waqt li aħna qed nehdew bl-elezzjonijiet, hemm poplu tant qrib tagħna li qed jissawwat u jinqered.’ Inħalli ’l ħaddieħor għalissa jikteb fuq ir-rebħiet u t-telfiet elettorali; jien xtaqt li, ma’ dawn, lanqas ma tinsa l-karba ġejja mil-lvant. Poplu miġrugħ Dil-ġimgħa, il-gvern tas-Sirja ħrax kontra l-aħħar fortizza tar-ribelli filwaqt li ’l dawn kważi kulħadd abbandunahom. Il-Ġnus Magħquda wissiet bl-aħrax lill-pajjiżi tad-dinja li m’huma qed jagħmlu xejn biex jevitaw jew irażżnu l-massakru tal-poplu Sirjan. Dil-ġimgħa, laħaq il-quċċata tiegħu l-attakk feroċi fuq in-nies ċivili mill-gvern ta’ Assad u l-qawwiet Russi. L-attakk l-aktar qed jikkonċentra madwar Idlib u Hama fil-grigal tal-pajjiż. L-attakk mill-ajru kien bla qtugħ u mill-agħar, bil-qerda ta’ mijiet ta’ djar taċ-ċivili, il-ħruq ta’ wesgħat kbar